Sport Sport Ieħor

Bormla jibqgħu l-favoriti iżda mistennija Regatta ta’ Jum il-Vitorja missielta

(Ritratt: Joseph Galea)

Artiklu: Stewart Said

L-attenzjoni f’dawn il-jiem tmur lejn il-Port il-Kbir hekk kif il-Ħamis li ġej issir edizzjoni oħra tar-Regatta ta’ Jum il-Vitorja. Din se tkun l-ewwel waħda mill-2020 wara li s-sena l-oħra ma saritx minħabba l-pandemija tal-Covid.

L-aħħar edizzjoni ntrebħet mid-distrett tal-Marsa iżda din id-darba ftit jinsabu attivi, bid-distrett ta’ Bormla jibda bħala l-favorit li jirrepeti s-suċċessi ta’ Marzu li għadda. Minkejja dan, jidher li din ir-Regatta tista’ tkun fost l-aktar missielta fl-aħħar snin b’diversi ekwipaġġi jidhru armati biex jagħtu sfida fil-Kategorija Open. L-Isla u l-Birgu mistennija jkunu l-aktar li jagħtu sfida lill-Bormliżi.

Id-distretti parteċipanti jidhru li qed ikunu aktar preparati u qed jippruvaw iqajmu l-interess iżda hi ħasra li l-problema tal-Cruise Liners qed tibqa’ tippersisti anki jekk l-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor ġiet imwiegħda mod ieħor. Dan qed iwassal għal diffikultajiet fil-kanal kif ukoll biex l-ispettaturi jkunu jistgħu jsegwu aħjar.

Ħarsa lejn it-tlielaq fil-Kategorija Open

L-ewwel tellieqa minn din il-kategorija hi t-tellieqa Tal-Midalji, l-opra l-aktar veloċi fil-kanal. L-Isla, Bormla u l-Birgu huma l-favoriti li jirbħu l-paljijiet, bid-dgħajsa tal-Isla tidher li hi ftit aħjar skont it-taħriġ. Il-qaddiefa ta’ Bormla se jippruvaw ipattu għad-diżappunt ta’ Marzu wara li ġew skwalifikati minħabba inċident mal-Kalkara. Wieħed ma jridx iħalli barra l-qaddiefa ta’ Birżebbuġa li jistgħu jiksbu xi punti wkoll.

Punti għar-rebbieħa – L-ewwel post (20 punt), it-tieni post (12-il punt), it-tielet post (6 punti)

Il-Kalkara permezz tal-koppja Clyde Mizzi u Davison Micallef jibdew favoriti li jirrepetu s-suċċess ta’ Marzu li għadda u jirbħu t-tieni tellieqa, dik bil-Frejgatina. Bormla u l-Isla mistennija jagħtu sfida wkoll, bil-Bormliżi spiċċaw it-tieni f’Marzu li għadda kif ukoll f’Settembru tal-2020 permezz ta’ Kieran Zammit u George Frendo.

Punti għar-rebbieħa – L-ewwel post (12-il punt), it-tieni post (8 punti), it-tielet post (4 punti)

It-tellieqa Tal-Pass ta’ bit-Tnejn se tkun opporunità għal diversi distretti biex jippruvaw iwaqqfu d-dominanza ta’ Bormla fit-tielet tellieqa tal-Kategorija Open. Clive Casha u Dennis Thornton jibdew il-favoriti li joħorġu rebbieħa iżda possibbilment tista’ tkun l-iktar tellieqa missielta minħabba li Marsamxett, Birgu, Kalkara u Isla kollha huma kompetittivi biex jiksbu xi palju.

Punti għar-rebbieħa – L-ewwel post (20 punt), it-tieni post (12-il punt), it-tielet post (6 punti)

Fir-raba’ tellieqa tal-Kajjikki mistenni dwell bejn Bormla u l-Isla, bil-Bormliżi jidhru ftit aħjar waqt it-taħriġ. Mistennija wkoll taqtigħa għall-palju tat-tielet post, bil-kajjikk tal-Birgu jidher l-aħjar biex jidħol mal-ewwel tlieta.

Punti għar-rebbieħa – L-ewwel post (12-il punt), it-tieni post (8 punti), it-tielet post (4 punti)

Il-ħames u l-aħħar tellieqa hi dik Tal-Pass b’Erbgħa. Hawn jibdew favoriti Bormla permezz tal-ekwipaġġ Maximilian Mamo, Clive Casha, Dennis Thornton, Jurgen Camilleri, rebbieħa f’Marzu li għadda kif ukoll f’Settembru tal-2020. Minkejja dan, mistennija tellieqa missielta hekk kif il-maġġoranza tal-ekwipaġġi huma armati għal tellieqa mill-isbaħ. Il-Birgu li kklassifikaw fit-tieni post f’Marzu li għadda, żammew l-istess qaddiefa filwaqt li l-Kalkara għandhom ekwipaġġ ġdid.

Punti għar-rebbieħa – L-ewwel post (24 punt), it-tieni post (16-il punt), it-tielet post (8 punti)

L-ewwel tellieqa fil-programm tkun dik tan-nisa bil-Frejgatina, bil-qaddiefa tal-Birgu jibdew favoriti li jerġgħu jispiċċaw it-tellieqa l-ewwel kif għamlu għal dawn l-aħħar tlielaq. F’Kategorija B li wkoll tkun magħmula minn ħames tlielaq bħal Kategorija A, Bormla jibdew favoriti hekk kif f’Marzu li għadda rebħu erba’ tlielaq u mistennija jżommu l-istess qaddiefa.