Futbol Sport

BOV Challenge League: Sliema Wanderers jiksbu rebħa fl-aħħar ħin

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Is-Sibt intlagħabu erba’ partiti mit-tieni ġurnata tal-BOV Challenge League fejn rajna lil Sliema jegħlbu lit-tim ta’ Marsa u Vittoriosa jgħelbu lil Qrendi bi skor identiku ta’ 1-0. Lija Athletic kisbu l-ewwel rebħa wara li kienu tilfu kontra Tarxien fl-ewwel logħba filwaqt li Swieqi ta’ Steve D’Amato għelbu lil Tarxien Rainbows 2-0 .

Sliema Wanderers 1-0 Marsa

It-tim immexxi minn Paul Zammit Sliema Wanderers kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun wara li fil-Victor Tedesco Stadium għelbu lil Marsa 1-0. L-uniku goal tal-partita wasal minn Omar Elouni fl-aħħar minuta tal-partita.

Vittoriosa Stars 1-0 Qrendi

Wara d-draw ta’ 1-1 kontra Marsa fl-ewwel logħba Vittoriosa rreġistraw l-ewwel rebħa tal-istaġun meta f’logħba oħra li ntlagħabet fil-Victor Tedesco Stadium għelbu lil Qrendi 1-0. Il-goal li ta t-tliet punti lil Vittoriosa wasal mill-Brażiljan Arthur Heidrich wara nofs siegħa logħob.

Tarxien Rainbows 0-2 Swieqi United

Swieqi United għamlu rebħa importanti meta fis-Centenary Stadium għelbu lil Tarxien Rainbows 2-0. Jamie Scerri fetaħ l-iskor għal Swieqi fis-27 minuta bl-ewwel taqsima tintemm 1-0. Swieqi ssiġillaw il-partita fir-raba’ minuta tal-ħin miżjud permezz ta’ goal ta’ Roderick Taliana.

Marsakala 2-4 Lija Athletic

Lija Athletic ukoll kisbu l-ewwel rebħa minn żewġ partiti meta fl-aħħar logħba tas-Sibt fis-Centenary Stadium għelbu Marsakala 4-2. Kienu Marsaskala li fetħu l-iskor permezz tal-eks Hibernians Rendell Winchester wara biss tliet minuti b’Lija jġibu l-iskor indaqs fil-25 minuta permezz ta’ Duvan Mosquera Torres. Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima ż-żewġ timijiet skorjaw goal kull wieħed b’Ryan Spiteri fl-ewwel minuta miżjuda għal Marsaskala filwaqt li minuta wara skorja Leon Muscat għal Lija Athletic biex l-ewwel taqsima ntemmet 2-2. Fit-tieni taqsima Lija Athletic assiguraw mit-tliet punti b’żewġ goal oħra permezz ta’ Duvan Mosquera Torres fit-63 minuta u Elisé Okito Lundul fit-88 minuta.