It-trijangulazzjoni tas-sinjali tal-mowbajl kienet wasslet lill-investigaturi dwar il-qtil ta’ Mario Farrugia minn Pembroke biex kollox jipponta lejn Eliott Paul Busuttil, xehed Keith Cutajar espert tal-IT maħtur mill-Qorti. Busuttil ta’ 38 sena jinsab akkużat bil-qtil ta’ Farrugia, wara li l-katavru tar-raġel ta’ 62 sena kien instab ġewwa l-bagoll tal-karozza tiegħu stess fil-Wied Ħal Qormi fil-5 ta’ April li għadda. L-awtopsja kienet sabet li huwa kien sofra minn 45 daqqa ta’ sikkina.
Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima ix-xhud prinċiplali kien dan l-espert tal-IT. Huwa ressaq ir-rapport tiegħu hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Busuttil. Huwa kien inħatar mill-maġistrat inkwirenti biex iwettaq diversi kompiti, li kienu jinkludu l-estrazzjoni ta’ data minn diversi apparati, eżaminazzjoni ta’ filmati tas-CCTV u l-istabbiliment tal-lokalità ta’ diversi mowbajls permezz ta’ trijangulazzjoni.
Filmati ta’ CCTV minn 36 kamera li jinsabu f’diversi lokalitajiet fosthom Ħ’Attard, Santa Venera, il-Marsa, ir-roundabout tal-Università u Ħal Qormi kienu ġew eżaminati bħala parti mill-investigazzjoni, qal Cutajar, filwaqt li rrimarka li l-ħidma tiegħu saret aktar diffiċli minħabba l-fatt li bdiet tmien t’ijiem wara l-qtil.
L-investigaturi kienu bdew b’deskrizzjoni biss ta’ Peugeot 407 bajda li tidher fl-inħawi. Minn analiżi bir-reqqa tal-filmati tas-CCTV ġie nnutat li Busuttil kien qed jidher b’mod konsistenti. Numru ta’ ċitazzjoni fuq veloċità eċċessiva maħruġa matul il-lejl tal-qtil ippuntaw ukoll lejn il-vettura tiegħu, żied jgħid l-espert tal-Qorti.
Trijangulazzjoni ta’ 30 numru ta’ persuni suspettati kienu ġew ukoll identifikati. Dan seħħ minn investigaturi li kienu wettqu dan eżerċizzju. Dan il-proċess ħa jiem biex tlesta, spjega x-xhud, iżda x-xogħol iebes eventwalment ħalla l-frott fil-forma ta’ ‘timeline’ preċiż tar-rotta meħuda mill-karozza, li kienet innutata li kienet misjuqa ħafna matul il-lejl li fih seħħ il-qtil.
L-espert tal-qorti kien attenda wkoll għal rejds tal-pulizija kemm fir-residenza tal-imputat kif ukoll fuq propjetajiet oħra maħsuba li huma involuti, sabiex il-provi jiġu ppreservati. Il-mowbajl li kellu n-numru trijangulat fuq il-post instab fil-pussess tal-akkużat, qal.
Fir-rigward tal-evidenza diġitali, qal li matul l-investigazzjoni ġew eżaminati xejn inqas minn 21 apparat u 18-il SIM card. L-espert tal-qorti spjega li kien uża dak li hu magħruf bħala “rainbow attack” (attakk tal-qawsalla) li jevita u ma jħallix l-iskrin ta’ fuq il-mowbajl tal-akkużat illokkjat. Tenna li ġie kkompilat rapport ta’ 402 paġna mill-eżami tad-diversi apparati.
Demm iqattar mill-karozza
Wara li l-espert temm ix-xhieda tiegħu, il-qorti semgħet erba’ uffiċjali tal-pulizija mis-sezzjoni forensika tal-Pulizija jesebixxu b’mod konġunt ir-rapport tagħhom. Dawn kienu Gabriella Vella, Maria Bezzina, Benjamin Abela u Emmanuel Dalli. Huma kienu marru fuq il-post fejn instab il-katavru u osservaw demm iqattar mill-karozza u fl-inħawi.
L-uffiċjali spjegaw li l-karozza mbagħad infetħet u fuq is-seat tal-passiġġier ġew innutati tbajja ħomor, maħsuba li huma demm. Il-katavru tal-vittma kien iffotografat fuq is-sit qabel ma nħareġ biex jiġi eżaminat minn esperti oħra. Il-karozza ttieħdet fil-bitħa forensika.
Fis-7 ta’ April, l-uffiċjali kienu attendew u ddokumentaw l-awtopsja li saret fuq il-katavru rkuprat mill-luggage booth. Il-ħwejjeġ tal-vittma ntbagħtu għall-analiżi tad-DNA, flimkien ma’ borża ta’ provi li kien fiha numru ta’ skieken rkuprati mill-pulizija waqt l-investigazzjoni. Ħafna mill-oġġetti għaddew għand l-esperta, t-tabiba Marisa Cassar biex tagħmel l-analiżi tad-DNA fuqhom.
L-Ispettur Wayne Camilleri informa lill-Qorti li kien hemm ħafna xhieda tal-prosekuzzjoni li għad iridu jixhdu f’din il-kumpilazzjoni ta’ provi. Il-Qorti differita s-seduta għall-20 ta’ Settembru. L-avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila huma avukati difensuri ta’ Busuttil. L-Ispettur Wayne Camilleri mexxa l-prosekuzzjoni, assistit mill-avukati Kaylie Bonnett u Maria Schembri mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>