Lokali

Dimostrazzjoni ta’ protesta: Irridu azzjoni kontra l-korruzzjoni

Ta’ kuljum fil-Gżejjer Maltin insiru nafu b’fatti ġodda ta’ korruzzjoni. Minkejja dan, l-impunità għadha r-regola. Hawn klassi ta’ politiċi u nies qrib tagħhom li huma meqjusa minn elementi fl-istituzzjonijiet li ma jista’ għalihom ħadd.

Għal Għaqda Repubblika dan mhux aċċettabbli u mhux se jittolleraw li f’pajjiżna jibqa’ jkun hawn klassi ta’ nies li jitqiesu li huma ’l fuq mil-liġi. U allura, iridu jieħdu azzjoni konkreta.

Il-Korp tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għadhom strumenti ta’ impunità għall-politiċi u dawk qribhom bħal meta kienu mmexxija minn Lawrence Cutajar u Peter Grech. Angelo Gafà u Victoria Buttiġieġ saħansitra irrifjutaw li jmexxu kontra l-klikka tal-Pilatus Bank, minkejja li kienu ordnati jmexxu kontrihom minn Maġistrat Inkwirenti.

Repubblika qalet li saret taf b’fatti ġodda li jispjegaw iċ-ċirkustanzi li fihom Joseph Muscat u Konrad Mizzi wikkew lill-Poplu Malti bil-kuntratt korrott tal-Electrogas.

Repubblika, Occupy Justice u manueldelia.com qed isejħu dimostrazzjoni ta’ protesta bit-tema: “Irridu azzjoni kontra l-korruzzjoni” għal nhar it-Tlieta 6 ta’ Settembru fil-Belt Valletta, fis-7.30 ta’ filgħaxija. Id-dimostrazzjoni tibda minn quddiem Wembley Store fi Triq ir-Repubblika. Meta d-dimostrazzjoni tasal fil-Pjazza l-Assedju l-Kbir, il-President ta’ Repubblika ser jiżvela kelma b’kelma l-ordni li ta l-Maġistrat Inkwirenti lill-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali fl-Inkjesta tal-Pilatus Bank, liema ordni ma kinitx obduta.

Dawn l-għaqdiet qed jagħmlu appell lill-Maltin u l-Għawdxin sabiex jingħaqdu magħhom nhar it-Tlieta filgħaxija fl-isforz biex innaddfu lil pajjiżna.