Internazzjonali

Iċ-Ċina: Imutu fost l-istraġi ta’ terremot fil-provinċja ta’ Sichuan

Mietu talanqas 15 f’terremot li , laqat fil-provinċja ta’ Sichuan, lejn il-lbiċ taċ-Ċina u li mmarka 6.6 fuq l-Iskala Richter.

It-theżżiża kellha fond ta’ għaxar kilometri – bl-impatt jikkaġuna l-ħsarat fil-linji tat-telekomunikazzjoni minbarra li ġġenera l-valangi tal-art li kkaġunaw ħsarat kbar f’numru ta’ zoni.

Dan meta madwar 21 miljun resident f’Chengdu, il-kapitali ta’ Sichuan, qed ikunu kostretti li jibqgħu d-dar minħabba r-regoli stretti tal-Covid-19 li għadhom effettivi.

L-epiċentru tat-terremot kienet il-belt ta’ Luding, li tinsab f’reġjun remot qalb il-muntanji u xi 230 kilometru ‘il hinn minn Chengdu, fid-direzzjoni tal-lbiċ.

Fl-agħar tat-theżżiża f’Chengdu, numru kbir ta’ bini dehru qed jitriegħdu, bl-aċċess mit-toroq isir kważi impossibbli. Dan filwaqt li nqatgħu s-servizzi tat-telekomunikazzjoni għal diversi zoni fejn qed jgħixu eluf ta’ residenti.

It-theżżiż wassal ukoll għall-għeluq ta’ xi power stations fiz-zoni ta’ Garze u Ya’an.

Il-filmati li ttieħdu waqt it-terremot urew lin-nies fi stat ta’ paniku huma u ħerġin mill-appartamenti high rise fl-inħawi u wara li huma rċevew messaġġi ta’ allert fuq it-telefons ċellulari,

Intant, mijiet ta’ ħaddiema tal-għajnuna fl-aħħar sigħat kienu fi triqthom lejn l-epiċentru tat-theżżiża, b’ħaddiema oħra jippruvaw jiftħu mill-ġdid it-toroq li spiċċaw koperti bil-ġebel u l-ħamrija minħabba l-valangi tal-art.

Il-belt ta’ Chengdu hi l-aħħar belt Ċiniża li ngħalqet mill-awtoritajiet bħala tentattiv biex jikkontrollaw iż-żieda fil-każi tal-Covid f’dan il-pajjiż.