Lokali Qorti

Illiberat minn akkużi li saq fuq il-kollega tiegħu ġewwa fabbrika

Raġel ta’ 50 sena residenti Ħal Kirkop ġie illiberat minn akkużi li kellu l-ħsieb li jikkaġuna feriti gravi fuq il-kollega tiegħu fuq il-post tax-xogħol meta saq għal fuqu. Blasio Buttigieg ma nstabx ħati li tliet snin u nofs ilu saq għal fuq kollega tiegħu b’veloċità qawwija fil-fabbrika ta’ fejn jaħdmu f’Birżebbuġa. Dan l-inċident kien skala xi ftit għax wara l-allegat vittma ħebb għall akkużat u tah daqqa ta’ ponn,

Minn dak li nstema fil-Qorti ħareġ li l-aktar mumenti u dettalji essenzjali b’rabta mal-każ ma qablux u li kien hemm minnhom li kienu differenti għal kollox minn xulxin. Il-Maġistrat Leonard Caruana sema’ lill-Prosekiuzzjoni tgħid li l-inċident seħħ fid-19 ta’ Frar tal-2019 għall-ħabta tas-5.45pm f’impjant tal-kostruzzjoni fi triq Ħal Far.

L-Ispettur Roderick Attard  li nvestiga l-każ qal li fil-ħin li Godfrey Grech kien miexi fil-bitħa tal-kumpless, Buttigieg daħal fil-fabbrika b’karozza wara li mar jixtri u x’ ħin rah saq għal fuqu b’veloċità qawwija, tant li qal li Grech kellu jmur fil-ġen biex ma jintlaqatx. 

Ix-xhud qal li li ftit tal-ħin wara, meta Grech kien ħiereġ mill-fabbrika b’vann, huwa ra lill-akkużat jaqsam minn quddiemu b’daħka fuq wiċċu u niżel jistaqsih għalfejn kien għamillu hekk. Buttigieg u Grech kellhom xi jgħidu f’xi ħin u skont ix-xhud, “l-akkużat baqa’ dieħel f’apertura tal-ħġieġ u sofra xi ġrieħi f’wiċċu.” L-Ispettur qal wkoll li mal-akkużatkien hemm anki ċertu Raymond Farrugia.

Meta xehed l-allegat vittma Grech qal li Buttigieg għafas il-gass u saq għal fuqu minkejja li fejn kien miexi kien hemm wisa’ ta’ karozza u nofs u li allura l-akkużat kellu minn fejn jgħaddi. Dwar l-argument li nqala’ xħin niżel mill-vann, Grech qal “Ipprovokani. Imbagħad daqshekk ma bqajtx nara. Ġiet dalma quddiem għajnejja. Tlaqt niġri għax hu għandu ċint. Qbiżt iċ-ċint. Tfixkilt. Qbadtu miegħi għax peress li jien fini tifel, tfixkilt u hu baqa’ dieħel ġo bieb tal-ħġieġ. Imma xħin qomt tajtu daqqa ta’ ponn. Waħda fajjartlu.”

Grech qal li Buttigieg kien ilu mqabbad miegħu.Fil-fatt huwa kien għamel diversi rapporti mad-direttur tal-impjant. Jgħid, li qallu “ħu ħsieb għax dan se jgħallini fl-aħħar, il-ħin kollu jaqbad miegħi.” Madankollu mexa, l-istess direttur xehed dan qal li qatt ma ġie mgħarraf dwar dan.

Fix-xhieda tiegħu, Farrugia, li kien fil-vettura mal-imputat meta seħħ l-inċident, qal li l-akkużat żied il-veloċità fl-impjant għax “raw daħna tiela’ mill-impjant.” Qal, li lil Grech, ma rawhx. Filwaqt, li fi stqarrija rilaxxata mill-imputat f’Ġunju tal-2019, Buttigieg kien iddikjara li hu u dieħel fil-fabbrika ra lil Godfrey tiela’ iżda kien qal li kien saq lejn fejn kien hemm in-nar. 

Buttigieg kien qal ukoll, li wara ftit, waqt li kien qed idaħħal ix-xirja f’kamartu, ġie Grech minn warajh u sabbatlu wiċċu fil-ħġieġa tal-kamra. Qal, li bl-ewwel daqqa faqa’ l-ħġieġa b’rasu u t-tieni darba reġa’ sabbatlu rasu ġol-ħġieġa miksura. Huwa ċaħad li saq għal fuq Grech jew li pprovokah.

Il-Qorti qalet li wara li semgħet il-provi rat li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-każ tagħha b’mod assolut kif titlob il-liġi u b’hekk ma sabitx ħtija fl-akkużat. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard.