Liz Truss, li fl-aħħar xhur kienet qed isservi bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin, intgħażlet bħala Kap ġdid tal-Partit Konservattiv fil-Gvern wara li għelbet lill-isfidant u eks Kanċillier tal-Finanzi Rishi Sunak, fil-vot deċiżiv.
B’riżultat tal-vot, hi se tkun it-tielet Prim Ministru Britanniku konsekuttiv li qed jidħol għat-tmexxija tal-pajjiż mingħajr il-ħtieġa ta’ elezzjoni.
Iżda waqt li l-istħarriġ inizjali kien qed jagħti vantaġġ kbir lil Truss fil-konfront ma’ Sunak, hi, fil-verità kisbet maġġoranza ‘ ħafna iżgħar’ (57 fil-mija) mill-voti validi li ntefgħu.
Liz Truss issa se tmexxi lir-Renju Unit waqt żmien mill-aktar impenjattiv u fejn trid tikkonfronta ll-isplużjoni tal-prezzijiet tal-gass u tal-ikel għaċ-ċittadini Britanniċi. Dan ukoll meta hi mistennija tkompli r-rwol tar-Renju Unit bħala l-alleat ewlieni tal-Ukrajna fil-gwerra tagħha mar-Russja.
Fil-fatt, kollox jindika li Truss se tibda l-ħidma tagħha taħt pressjoni enormi biex tintroduċi l-iskemi tal-għajnuna għan-nies – b’mod partikulari l-anzjani u l-vulnerabbli — li qed ibatu bil-kbir taħt il-piż tal-ispejjeż għall-utilitajiet tagħhom.
L-indikazzjonijiet huma li Liz Truss qed tikkunsidra li tiffriża l-kontijiet tal-enerġija għall-poplu waqt li mhux eskluż li hi tikkonferma dan il-pass permezz ta’ stqarrija uffiċjali li hi mistennija għall-Ħamis.
Fl-ewwel diskors tagħha f’Westminster, ftit wara l-konferma, Liz Truss irringrazzjat lil Rishi Sunak ‘għall-isfida denja tiegħu waqt il-kampanja għal-leadership’ filwaqt li wiegħdet li se timplimenta pjan ambizzjuż li għandu jindirizza l-akbar problemi li qed jaffettwaw liċ-ċittadin Britanniku.
Dan meta Liz Truss għandha tkun ikkonfermata bħala l-Prim Ministru ġdid tar-Renju Unit ladarba hi, nhar it-Tlieta, tiltaqa’ mar-Reġina Eliżabetta fir-residenza rjali ta’ Balmoral, fl-Iskozja.
Waqt id-diskors tagħha fiċ-ċentru għall-konferenzi ta’ Westminster, Liz Truss ma żammitx lura milli tfaħħar lill-Prim Ministru ta’ qabilha, Boris Johnson, li kellu jirriżenja wara tliet snin ta’ tmexxija minħabba numru ta’ skandli u wara r-riżenji ta’ numru ta’ Ministri u uffiċjali ewlenin minn mal-Gvern.
Fl-istess ħin, Liz Truss ħeġġet biex il-Partit Konservattiv fil-Gvern isir aktar magħqud wara t-tensjoni tal-aħħar xhur bejn id-deputati. Dan l-impenn ukoll qed jitqies bħala waħda mill-isfidi kbar li hi trid tiffaċċja bħala Prim Ministru u Kap tat-Tories.
Hemm ukoll indikazzjonijiet favorevoli għal Truss peress li numru ta’ deputati li kienu qed jappoġġjaw lil Rishi Sunak għat-tmexxija tat-Tories issa qablu dwar il-ħtieġa għall-għaqda fi ħdan il-partit fil-Gvern li ilu x-xhur frammentat,
Sadanittant, Liz Truss, fid-diskors tallum, warrbet għal kwalunkwe spekulazzjoni li l-poplu fir-Renju Unit, ‘il quddiem, jista’ ikollu jivvota f’xi elezzjoni ġenerali bikrija.
//= $special ?>