Lokali

Inawgurat il-ġnien Esprit Barthet fis-Swieqi

Inawgurat ġnien ġdid fis-Swieqi  – ġnien li huwa msemmi għall-artist famuż Malti Esprit Barthet, li kien joqgħod propju f’din il-lokalita’.

Dan il-proġett dam sitt snin għaddej wara diversi tibdiliet. Il-ġnien kien imkabbar u rinovat bis-saħħa ta’ dan il-proġett biex b’hekk ingħata dehra ġdida. U f’Ottubru li ġej se jitħawwlu aktar siġar mad-dawra ta’ dan il-ġnien sabiex jingħata aktar dehra naturali.

Net News tkellem mas-sindku tas-Swieqi Noel Muscat li spjegalna għalfejn dan il-ġnien huwa wieħed bżonnjuż ħafna. Huwa qal li s-Swieqi hija s-sitt l-akbar lokalita’ f’Malta iżda kulma hawn erba’ ġonna żgħar biss. Muscat tenna li f’din il-lokalita’ m’hawnx faċilitajiet sportivi u lanqas art pubblika. U allura, hemm bżonn li dawn il-ftit spazji miftuħa li baqa’ fis-Swieqi jinżammu fl-aqwa stat possibli sabiex ikunu jistgħu jitgawdew mir-residenti.

Dan il-proġett sar mill-fondi tal-Planning Development  li huma fondi ġejjin minn multi imħallsa mis-settur tal-kostruzzjoni. Il-flus tal-multi imbagħad jitqassmu għand il-Kunsilli Lokali.

Is-Sindku tas-Swieqi kellimna wkoll dwar il-proġetti li hemm ppjanati għall-futur għas-Swieqi; lokalita’ li dejjem qiegħda tikber. Fost dawn il-proġetti hemm wieħed ambizzjuż fi Triq l-Ibraġġ fejn se ssir rinovazzjoni tul it-triq.

Noel Muscat fakkar li l-ispazji pubbliċi dejjem qegħdin jonqsu f’pajjiżna u hemm bżonn li dawk il-ftit li baqa nieħdu ħsiebhom sabiex ikunu jistgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet ta warajna.