Raġel ta’ 56 sena mill-Belt Valletta hedded lis-sidien ta’ ħanut tax-xorb fil-Belt Valletta li jekk ma kienx se jingħata l-flus kien se jisplodi ħanut tax-xorb li jinsab fi Strada Stretta tal-kapitali Maltija. Dan ħareġ minn xhieda fil-Qorti meta bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront tiegħu.
Francis Grech li huwa magħruf sew mal-Pulizija u li bħalissa qed jinżamm taħt arrest qed iwieġeb mhux ħati li bejn l-14 u l-15 ta’ Lulju li għadda huwa hedded lil sid il-ħanut, lavranta u persuni oħra li b’xi mod jiġu mis-sidien tal-ħanut. Huwa qed jiġi mixli wkoll li rreżista l-arrest u li kiser il-paċi pubblika.
Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima xehdu diversi persuni fosthom wieħed mis-sidien tal-ħanut u missier persuna li wkoll tiġġestixxi dan il-ħanut. Alexander Giglio, li ibnu huwa wieħed mis-sidien qal li Francis Grech huwa ħabib antik tiegħu antik u li dak inhar tal-inċident kien iltaqa’ mal-akkużat u beda jitolbu l-flus iżda li ma setax jifhem għaliex eżatt. Tenna li huwa ipprova jikkalmah.
Alexander Giglio qal li kienet ċemplitlu t-tifla għall-ħabta tad-9.30pm li taħdem fil-ħanut u qaltlu li l-akkużat kien heddidha għax ried il-flus. Qal li mar il-post għax inkwieta fuq it-tifla u qallu, “tgħidli xejn għax il-ħanut mhux tiegħi”. Meta wasal il-ħanut sostna li Grech ma kienx jidher qiegħed sew. Deher ħafna maħruq u eċitat u kellu kliem ta’ theddid, li ma kienx ta’ barra minn hawn. Tenna li dam għal siegħa jipprova jikkoninċih biex jikkalma.
Xehed li lil bintu qalilha “nisplodilek il-gass u għada ma tiftħux” u wara sar jaf li lanqas hemm gass fil-ħanut. Ix-xhud qal li pprova jagħmel minn kollox biex jikkalmah fejn qallu wkoll biex joqgħod attent għax fl-inħawi hemm il-cameras. Peress li kien hemm it-tifla fil-ħanut Alexander Giglio qal li mar l-għassa tal-Pulizija għax jafx x’kien se jagħmel.
Wara li mar l-Għassa x-xhud qal li reġa mar ħdejn il-ħanut fejn wara li l-akkużat kien telaq, rah ġej lura u hemmhekk qam battibekk mal-Pulizija li arrestawh. “Miegħi qatt ma kellu xi jgħid, jien ħabib miegħu, lili ma messniex u lanqas ma refa’ jdejh fuq binti” tenna x-xhid. Tenna li fil-ħanut kien hemm hu, t-tifla u Floyd Carbonaro, s-sieħeb ta’ ibnu fin-negozju tal-ħanut.
Xehed ukoll l-istess Floyd Carbonaro li qal li l-akkużat kien qed jixrob iżda ma kienx fis-sakra imma beda joffendih il-ħin kollu iżda hu baqa’ kalm. Qal li Grech kien fuq l-imwejjed u baqa’ jgħajjat u jgħidlu li ried il-flus minħabba xi storbju.
Xehed ukoll il-kuntastibbli Charles Degiorgio li qal li kif daħlu fil-Carmel Bar, li jinsab fi Strada Stretta l-Belt, flimkien ma’ Surġenta u l-Ipettur Gabrielle Micallef u xi Pulizija oħra. Qal li l-akkużat deher aġitat ħafna u beda jiġġieled ma’ tal-bar u jitolbu xi flus.
“Ma nafx xi kliem eżatt intqal, kellimt lill-akkużat, waqt li qed jgħid lil Floyd Carbonaro, ‘trid tiġi square miegħi’. Saħaq li Carbonaro baqa’ kalm u meta kien hemm Surġent li mexxa u kellem lil Grech, dan deher aktar aġitat, tant li resaq lejn is-Surġent u mar ħafna viċin tiegħu. Is-Surġent ipprova dejjem jikkalma s-sitwazzjoni.
Ix-xhud qal li meta resaq lejn is-Surġent , l-akkużat kien aggressiv, bl-aggressjoni teskala u ġie arrestat. Imma Grech qatt ma refa’ jdejh. Għamel xi mossi b’idejh, u dlonk mar l-Ispettur Gabriel Micallef biex jikkontrolla lilu nniffsu biex jersaq lura minn mas-Surġent. Meta ma riedx jikkalma bilfors kellu jiġi arrestat.
Kien f’dan il-punt li l-akkużat irreżista l-arrest li seħħ bl-anqas forza possibbli. Huwa ttieġed l-għassa u baqa’ jargumenta. Fuq talba tiegġu huwa ġie meħud fil-poliklinika tal-Floriana. Mistoqsija mi-difiża, ix-xhud qal li fl-għassa Grech ikkalma ftit iżda baqa’ aġitat.
Xehed ukoll l-uffiċjal tal-Pulizija Joseph Mallia li qal li anke meta ttieħed fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana, Francis Grech baqa’ nervuż tant li anke meta kien ħdejn it-tabib baqa’ jgħid – ‘jien ma nibżax minnkom’. Tenna li r-rapport li l-akkużat kien qed jaġixxi b’mod perikoluż kien daħal fl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt. Għall-akkużat deher l-Avukat Joe Bonnici. Il-każ ikompli, bil-prosekuzzjoni titmexxa mis-Supretendent Victor Aquilina.
//= $special ?>