Lokali

Ktieb ġdid li jesponi l-istorja tal-Birgu

It-Tnejn filgħodu saret it-tnedija tal-ktieb ‘Il-Birgu, ilbieraħ u llum’ – ktieb li żgur se joħloq sens ta’ nostalġija għall-Ġirbin.

Dan il-ktieb huwa maqsum f’seba’ kapitli u jitratta temi bħat-toroq storiċi ta’ din il-belt, l-arkitettura, il-ħerba li kienet ħalliet warajha l-Gwerra, it-tiżjin tal-festa kif ukoll il-ħajja ċivili. Barra minn hekk wieħed isib mal-150 ritratt mill-passat u ġabra ta’ 50 ritratt tal-Birgu fil-preżent.

L-għan ta’ dan il-ktieb hu sabiex il-Birgu jkun aktar magħruf kif ukoll naprezzaw it-teżori storiċi li tħaddan din il-lokalita’. Dan il-ktieb se jitqassam fir-residenzi kollha tal-Birgu bla ħlas.

Net News tkellem mal-awtur ta’ dan il-ktieb George Agius illi spjegalna kif minn eta’ żgħira minn dejjem kien jieħu pjaċir jiġbor ritratti tal-Birgu. Agius qal li kienet diffiċli sabiex jagħżlu 150 ritratt biss għal din il-pubblikazzjoni.

Ir-ritratti tal-Birgu fil-preżent huma meħudin mill-fotografu Joseph Smith u l-idea wara dawn ir-ritratti kienet sabiex in-nies ikunu jistgħu jaraw kif inbidel il-Birgu tul iż-żminijiet.