Internazzjonali

L-Ewropa: Il-prezz tal-gass jogħla b’26 fil-mija wara l-għeluq tal-pipeline mir-Russja

Il-prezzijiet tal-gass fl-Ewropa reġgħu sparaw ‘il fuq minħabba t-tħassib dwar il-provvisti tal-enerġija – u wara li r-Russja ħabbret li mgħandhiex terġa’ tiftaħ il-pipeline ewlieni lejn il-kontinent li ilu magħluq għal jiem sħaħ.

Skont is-sistema tal-evalwazzjoni stabbilita għall-Ewropa, il-prezz tal-gass – relatat mal-ewwel sigħat tal-attività fil-borża – tela’ b’xi 30 fil-mija (ilbieraħ) qabel niżel għal għoli ta’ 26 fil-mija.

Is-sitwazzjoni, intant, qed tkompli tħasseb lill-Mexxejja tal-Ewropa meta r-Russja mhix turi s-sinjali li se tirranġa s-sitwazzjoni fost il-gwerra qalila li għaddejja bħalisa fl-Ewropa.

In-Nord Stream 1 pipeline – li jissupplixxi l-gass lil diversi pajjiżi Ewropej u b’mod notevoli lill-Ġermanja – kellu jinfetaħ nhar is-Sibt wara għeluq inizjali. Iżda l-kumpannija tal-enerġija ewlenija tar-Russja, Gazprom, qalet li sabet id-difetti fil-pipeline li kienu qed jikkaġunaw leakage tal-gass.

Il-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa baqgħu mill-aktar imprevedibbli tul l-aħħar ġimgħat anki jekk iż-żidiet kienu ftit jew wisq konsistenti mal-iżviluppi allarmanti tal-gwerra li ħallew impatt kbir għall-Ewropej.

Madankollu, il-prezzijiet kienu anki niżlu b’mod drastiku meta l-Ġermanja, il-ġimgħa l-oħra, ħabbret li l-faċilitajiet tagħha għall-ħażna tal-gass kienu qed jimtlew ‘aktar malajr milli kien mistenni fiċ-ċirkustanzi’.

Fl-istess ħin, l-Ewropa għadha takkuża lir-Russja – u b’mod partikulari lill-President Ukren, Vladimir Putin – b’li qed jużaw il-provvisti tal-gass biex jirrikattaw lill-pajjiżi Ewropej li qegħdin jappoġġjaw lill-Ukrajna f’dan il-konflitt. Dan waqt li l-Kremlin tal-Moska kompla jiċħad li qed japprofitta mis-sitwazzjoni biex iqanqal il-problemi tal-enerġija għall-Ewropej.