F’Sezzjoni A Mġarr United rebħu bl-iskor kbir ta’ 5-1 kontra Pembroke Athleta. It-tim ta’ Mġarr għamel ċert mir-rebħa fl-ewwel 23 minuta tal-logħba meta fetħu vantaġġ t’erba’ goals. Saturday Nanapere fetaħ l-iskor wara ħames minuti permezz ta’ penalty, Liam Portelli rdoppja ħames minuti wara. Fit-13-il minuta Saint Ebisindor Christian għamilhom tlieta biex għaxar minuti wara Nanapere jiskurja r-raba goal. Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, eżattament fit-48 minuta Nanapere jiskorja l-ħames goal tal-partita u t-tielet goal personali. Minn naħa ta’ Pembroke skurjaw goal waħdieni fid-59 minuta peremzz ta’ Weverton Gomes.
Qormi lagħbu kontra t-tim ta’ Mellieħa u ħarġu rebbieħa b’żewġ goals fit-tieni taqsima għat-tieni rebħa minn daqstant partiti. Il-goals kienu skurjati minn Sheldon Seychell fit-58 minuta u Clayton Vella fil-71 minuta.
Senglea Athletic minn naħa tagħhom rebħu l-logħba kontra Santa Venera Lightnings biex l-istess Senglea A żammew posthom f’ras il-klassifika b’żewġ rebħiet. Il-player li ddeċieda l-partita Esquivel Sebastian Perdomo skurja tripletta fit-22, 25 u fit-53 minuta biex ta vantaġġ ta’ tliet goals, bit-tim ta’ Santa Venera L jiskurjaw il-goal tagħhom fit-72 minuta minn Matthias Vella.
F’Sezzjoni B it-tim ta’ Luqa Saint Andrew’s rebaħ il-konfront kontra Mdina Knights bl-iskor ta’ 5-1. It-tim ta’ Luqa daħal jistrieħ b’vantaġġ doppju bil-goals jiġu skurjati minn Nathan Frendo u Ryan Schembri fil-15 u 25 minuta rispettivament. Luqa St Andrew’s żiedu goal ieħor fl-54 minuta biex Mdina K naqsu l-iskor minn goal ta’ Matthew Scicluna fil-65 minuta. Fl-84 minuta Larson Mallia reġa’ fetaħ vantaġġ ta’ tliet goals biex fit-92 minuta auto goal ta’ Mark Deguara ssiġilla r-rebħa għat-tim immexxi minn Edmond Lufi.
Fid-derby li ntlagħab bejn Dingli Swallaws u Rabat Ajax, kienu Rabat li ħarġu rebbieħa 3-1 biex huma l-unika team li rebaħ l-ewwel żewġ partiti f’dan il-kampjonat. Eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima Rabat daħlu jistrieħu fil-vantaġġ permezz ta’ goal skurjat minn Kurt Agius. Fit-tieni taqsima Rabat A skurjaw darbtejn oħra permezz ta’ penalites mogħtija minn Joseph Caruana u Kurt Agius fit-58 u fil-85 miunta rispettivament. Dingli S. kienu naqsu d-distakk għal 2-1 minn goal ta’ Aleksander Kovacic fit-68 minuta.
Il-logħba bejn St. George’s u Msida St. Joseph intemmet fi draw ta’ 1-1 b’żewġ goals f’temp ta’ 12-il minuta. Msida St. Joseph marru fil-vantaġġ fis-70 miunta b’goal ta’ Jamie Camilleri filwaqt li Morientes Muscat skurja l-goal tad-draw fit-82 minuta.
Għargħur u Kirkop United ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ 1-1. Isaac Abela fetaħ l-iskor għal Kirkop fil-11-il minuta, bil-player William Azzopardi jagħmel l-iskor indaqs 12-il minuta minn tmiem il-logħba.
Fl-unika logħba li ntlagħbet il-Ħadd, Siġġiewi u Għaxaq temmew il-partita fi draw ta’ mingħajr goals biex żammew it-tieni post tal-klassifika b’erba’ punti minn żewġ partiti.
Logħob għal-lum: Grupp A
Victor Tedesco Stadium
19:00 – Birżebbuġa St. Peter’s vs Xgħajra Tornados
21:15 – Żabbar St. Patrick vs Kalkara United
//= $special ?>