Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal Taljan li seraq nuċċali tad-ditta mill-ajruport

Taljan ta’ 30 sena minn Bari ġie kundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal tliet snin wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima li nhar il-Ħadd li għadda għall-ħabta ta’ 11.45pm. ġewwa l-ajruport internazzjonali ta’ Malta seraq nuċċali tad-ditta Saint Laurent mill-ħanut HEBE.

Francesco Melchiorre, li wara li tressaq il-Qorti mar dritt l-ajruport biex jaqbad titjira lejn pajjiżu mhux biss ammetta, iżda qal li kien dispjaċut immens għal dak li għamel u ddeskrieva l-aġir tiegħu bħala ‘mument ta’ ġenn’. Tenna li huwa kien lest li jħallas għall-iżball li għamel.

Wara li ngħata ċ-ċans mill-Qorti biex jikkonferma jew le l-ammissjoni tiegħu, huwa baqa’ jinsisti fuq il-ħtija tiegħu. L-Avukat difensur tiegħu Edward Debono ikkonferma l-mument ta’ ġenn u l-fatt li l-klijent tiegħu ħass ir-rimors fuq dak li għamel.

Debono tenna li ma jħossx li piena karċerajrja għandha tkun waħda ideali u dan ukoll għax il-kondotta ta’ Melchiorre hija waħda nadifa kemm f’Malta u kif ukoll fl-Italja. L-Ispettur Christian Abela li ressaq lit-Taljan qal li l-Ħadd stess kien infurmat li persuna serqet nuċċali mill-ħanut l-ajruport.

Wara li raw il-cameras tas-CCTV’s il-persuna lin wettqet is-serqa inqabdet. Tenna li huwa jaqbel mad-difiża li bħala kundanna jingħata l-minimu, anke għax ikkopera mal-Pulizija, anke jekk dan għandha tarah il-Qorti. Il-Qorti wara li semgħet l-ammissjoni tal-imputat u wara li semgġet il-partijiet sabitu ħati, u wara li rat artiklu 7, (284 -285) tal-Kap 9 tal-liġijiet ta’ Malta kkundannatu għall sitt xhur pripuneija li ġew sospiżi għal terminu ta’ tliet snin.