Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa fuq moħqrija ta’ żiemel li sfratta u weġġa’ tliet spettaturi

Sid ta’ żiemel tat-tiġrija li baqa’ dieħel u weġġa’ tliet spettaturi meta kien qed isawttu bil-frosta ngħata sentenza sospiża mill-Qorti f’Għawdex wara li nstab ħati ta’ ġrieħi involontarji u moħqrija fuq l-annimali. L-Ispettur Bernard Charles Spiteri kien akkuża lil Dylan Micallef fuq inċident li seħħ f’Lulju tal-2018 fi Triq Fortunato Mizzi fir-Rabat Għawdex. Huwa ġie ukoll immultat €5,000.

Micallef kien ilu jistenna, flimkien mal-ġerrej u ibnu fil-linja tat-tluq, jistenna li tibda t-tellieqa tal-11:20pm. Il-Qorti semgħet kif, biex iġib liż-żiemel jiġri aktar malajr, Micallef tant kien bla ħniena, li beda jsawwtu fil-ġenitali tiegħu“biex itella’ demmu”, filwaqt li l-ġerrej u ibnu żammewh ’l isfel qabel ma bdiet it-tellieqa.

Wieħed mill-vittmi, li sofra diżabilità permanenti kawża tal-inċident, xehed li ra żewġt irġiel iżommu ż-żiemel u raġel minnhom isawwtu minn wara. L-annimal imwerwer ħarab għal fuq il-folla riżultat tas-swat. “Smajt in-nies jgħajtu u ż-żiemel spiċċa bla kontroll,” il-vittma qal lill-qorti.

“Kelli xorti għax is-serkin taż-żiemel weħel ma’ tabelli tas-sinjali tat-triq u tefgħetni mal-ħajt. Iż-żiemel ġie għalija u għal fuqi, u għaffeġni mal-ħajt. Sid iż-żiemel qabad iż-żiemel u telaq, bħallikieku ma ġara xejn.” Il-vittma li sofra l-agħar ġrieħi kien sofra minn tliet kustilji miksura u kellu bżonn 35 pont fil-ġenbejn, u qatta’ erba’ xhur jeħtieġ ‘catheter’ biex jgħaddi l-awrina.

Il-qorti ddeċidiet li s-swar bil-frosta fuq iż-żiemel, ħafna ferm qabel it-tiġrija, għandha tiġi kklassifikata bħala xejn ħlief moħqrija tal-annimali. “Fl-aħħar, fid-dawl tal-azzjonijiet tal-akkużat, li kienu krudili daqstant imprudenti, wasslu biex wieġed mill-vittma kellu ħajtu tibidel mil-lum għal għada, vittma oħra sofriet sfigurazzjoni għal xi żmien u t-tielet vittma weġġgħet ħafif.

Hija l-fehma tal-qorti li multa waħedha ma tkunx piena li tirrifletti s-serjetà tal-azzjonijiet tal-akkużat, li tant ikkawżat tbatija, mhux biss liż-żiemel, iżda wkoll lil xejn inqas minn tliet persuni oħra.” Il-ġerrej u ibnu kienu xehdu fil-każ, 19-il xahar wara l-inċident, b’tal-ewwel isostni li l-annimal kien sfratta wara li qala’ daqqa minn wara minn żiemel ieħor u dan tal-aħħar xehed li ż-żiemel kien ntlaqat bi frosta aċċidentalment.

Il-Qorti iżda osservat li x-xhieda tagħhom kienet kontradetta minn xhieda oħra, li qalu li dak iż-żmien kienu raw biss żiemel wieħed fuq il-linja tat-tluq. “Jidher ukoll li kien għadda żmien biżżejjed biex l-akkużat jinsa dak li kien qal lill-pulizija, u b’hekk juri li l-jockey u ibnu kienu qed jigdbu,” qalet il-Qorti.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li kienet qed tippresjedi l-Qorti tal-Maġistrati fil-Ġudikatura Kriminali tagħha f’Għawdex, innotat wkoll li “kieku l-pulizija ndenjaw ruħhom jiġbru l-filmati tas-CCTV minn cameras li jkopru t-triq fejn seħħ l-inċident, il-fatti kienu jkunu stabbiliti ħafna qabel u possibilment kien jissarraf fi proċeduri ferm aktar ekonomiċi, kemm fir-rigward ta’ ħin kif ukoll ta’ spejjeż għal min iħallas it-taxxa.”.

Il-Qorti ddikjarat lil Dylan Micallef ħati u kkundannatu 20 xahar ħabs, li ġew sospiżi għal tliet snin. Huwa ġie mmultat ukoll €5,000, u ġie ordnat iħallas fi żmien sentejn f’pagamenti ta’ kull xahar. Il-maġistrat irrimarkat li ma setgħetx tipprojbixxi lir-raġel milli jkollu annimali minħabba li l-inċident kien seħħ qabel ma ġiet emendata l-liġi biex din il-piena tkun tista’ tiġi imposta f’każi ta’ moħqrija tal-annimali.

Micallef ġie ordnat ukoll iħallas il-kont ta’ €846.51 għall-ispejjeż tal-qorti. L-Ispettur Bernard Charles Spiteri mexxa l-prosekuzzjoni. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech semgħet il-provi u ddeċidiet il-każ.