Lokali

Titħassar l-attivita’ ‘Natalis Notabilis’

Ta’ kull sena t-toroq tar-Rabat f’Diċembru kienu jieħdu l-ħajja bl-avveniment Natalis Notabilis, avveniment tal-Milied li kien popolari ma’ kulħadd.

Sfortunatament għal din is-sena dan il-villaġġ tal-Milied kellu jiġi ikkanċellat u din se tkun it-tielet sena li dan l-avveniment mhux se jsir, hekk kif għall-aħħar sentejn spiċċa tħassar minħabba l-pandemija.

Natalis Notabilis kien beda bil-għan li jkun l-akbar avveniment tal-Milied f’pajjiżna filwaqt li jippreserva l-wirt lokali. Bosta Maltin kienu jattendu bi ħġarhom għal dan l-avveniment li jsir ir-Rabat, u li kien uniku f’diversi aspetti.

Fuq il-media soċjali l-organizzaturi qalu li kienu ilhom diversi xhur jaħdmu sabiex l-attivita’ din is-sena issir iżda sabu diversi diffikultajiet. U għalhekk, ħadu deċiżjoni iebsa li jikkanċellaw dan l-avveniment.

L-organizzaturi qalu li minħabba li ma kellhomx biżejjed finanzi għal dan l-avveniment ma xtaqux jagħmlu Villaġġ tal-Milied iżgħar minn tas-soltu. Huma fakkru li għadhom qegħdin jaħdmu fuq diversi ideat ġodda u li huma determinati li meta jasal iż-żmien dan l-avveniment ħa jkun akbar minn qatt qabel.