John Paul Woods ta’ 42 sena li jinsab akkużat bil-qtil ta’ mara li l-fdalijiet tagħha nstabu 12-il sena wara fis-sur tal-Belt ingħata l-pleġġ fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €20,000, hekk kif il-kumpilazzjoni fil-konfront tiegħu tinsab riesqa lejn tmiema.
Madankollu huwa jrid jibqa’ l-ħabs sas-sena 2024 fuq hold-up li kien wettaq f’ ħanut tal-merċa fil-Gżira. Huwa kien ammetta li f’Lulju ta’ sentejn ilu minbarra l-hold up, fl-istess ħanut kien hedded Indjan li jaħdem hemm, li għamel ħsara fil-ħanut u li rreżista l-arrest.
Il-Qorti kienet ikkundannatu seba’ snin ħabs wara li kiser ukoll żewġ probation orders. Madankollu jekk ikompli jġib ruħu sew fil-ħabs jibbenefika minn tnaqqis fil-piena, kif ukoll li kien diġa taħt arrest preventiv u li dan irid jitnaqqas mill-piena, u għalhekk jispiċċa joħroġ lejn l-aħħar tal-2024.
Id-difiża mmexxija mill-Avukat Roberta Bonello qed tikkontendi li l-unika prova kontrih hija l-ammissjoni tiegħu stess mal-Pulizija, iżda li l-stqarrija li kien ta saritlu meta huwa kien għadu kemm jiġi operat, u għalhekk Woods kien għadu taħt l-effett tal-loppju.
John Paul Woods jinsab mixli bil-qtil ta’ Charlene Farrugia, li meta seħħ id-delitt f’Novembru tal-2008 kellha 25 sena. Il-każ baqa’ ma ssolviex sakemm fl-2019 Woods allegatament ammetta għall-omiċidju waqt li kien qed jiġi mistoqsi mill-Pulizija b’rabta mal- “hold-up”.
Fuq informazzjoni pprovduta lilhom minn Woods stess, uffiċjali tal-Pulizija fittxew partijiet minn sur fil-Belt fejn sabu l-fdalijiet, li aktar tard kienu identifikatu bħala dawk ta’ Farrugia. Il-Qorti qed tisma’ il-kumpilazzjoni preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia fil-konfront ta’ Woods, li għamel snin twal jgħix l-Ingilterra u li twieled Portsmouth.
Minbarra l-qtil huwa qed jiġi mixli wkoll li żamm lit-tfajla kontra l-volontà tagħha, li qered evidenza, li ħeba l-kadavru tagħha, li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa, li ġarr sikkina mingħajr liċenzja u li sar reċediv.
Jonqos xhieda mill-isptar Mater Dei
Dwar il-ftit xhieda li għad baqalhom jixhdu fil-kumpilazzjoni, għad-difiża dawn huma ta’ importanza kbira peress li huma paramediċi mill-isptar Mater Dei. Dawn għandhom jixhdu rigward l-anestesija li ngħatat lil Woods fl-operazzjoni, u dan biex jiġi żvelat l-effett fuqu u kemm idum, sakemm jerġa’ jiġi f’sensih totalment.
Wara din ix-xhieda l-provi għandhom jingħalqu u wara tinħareġ l-att tal-akkuża. Hemm il-possibilità li Woods jitlob li l-ġuri tiegħu jsir mingħajr ġurati. Fil-kumpilazzjoni l-Qorti diġa semgħet kif Woods kien qal lill-Pulizija kien kien ta daqqiet ta’ sikkina lil Farrugia u kien fagaha fl-appartament tagħha f’San Pawl il-Baħar.
Allegatament huwa aktar tard qatta lill-vittma biċċiet u ħallat il-fdalijiet tagħha ma’ siment fi xkejjer, rema’ l-ixkejjer fi skip, u ħeba r-ras u saqajn il-mara f’post imwarrab taħt is-sur tal-Belt. Il-karozza ta’ Farrugia nqabdet dieħla l-Belt minn kameras tas-sigurtà, madankollu qatt ma dehret ħierġa. Il-Pulizija huma tal-fehma li l-karozza setgħet intużat biex jinġarr il-katavru tal-vittma.
L-akkużat aktar tard ta verżjonijiet differenti lill-Pulizija, u qal li xkejjer oħrajn kienu tħallew wara l-bieb tiegħu u li kienu ttieħdu minn Jesmond Cassar, li Woods qed jallega li kien hu wara l-qtil tal-mara. Cassar, magħruf bħala “It-Tito” kien xehed fil-kumpilazzjoni kontra John Paul Woods, u huwa wkoll suspettat b’involviment fil-qtil, bil-Qorti kienet wissietu li jista’ jevita li jwieġeb il-mistoqsijiet biex ma jinkriminax ruħu.
Wara din it-twissija, Cassar ma bediex iwieġeb il-mistoqsijiet kollha, u beda jsostni li diġà wieġeb waqt l-interrogazzjoni tal-Pulizija. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent James Grech u mill-Ispettur Jonathan Ransley, filwaqt li l-Avukat Mario Mifsud qed jidher għall-familja tal-vittma. Għal Woods qed tidher l-Avukat Roberta Bonello.
//= $special ?>