Internazzjonali

Boris Johnson isellem lill-pajjiż

"Irridu ningħaqdu wara Liz Truss, għax dak li l-Brittanniċi jrisu"

Il-Prim Ministru Brittanniku Boris Johnson dalgħodu sellem għall-aħħar darba lill-poplu tar-Renju Unit, b’messaġġ minn Downing Street. Dan hekk kif illum tibda l-era ta’ Liz Truss fit-tmexxija tal-pajjiż.

Kien għall-ħabta tat-8:30am x’ħin Johnson deher ħiereġ għall-aħħar darba mill-uffiċċju tiegħu.

Fid-diskors qasir li għamel, Johnson ftaħar bi Brexit u bit-tqassim tal-vaċċin waqt il-Covid. Filwaqt li semma’ l-azzjonijiet tiegħu waqt il-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna.

Johnson qal ukoll li issa se jwarrab bil-mod mix-xena pubblika, għalkemm se jibqa’ jappoġġja lill-Gvern Konservattiv.

“Irridu ningħaqdu wara Liz Truss, għax dak li l-Brittanniċi jrisu”, stqarr Boris Johnson.

Truss se tinħatar Prim Ministru mir-Reġina Eliżabbetta II fil-Palazz ta’ Balmoral; 140 sena wara l-aħħar Prim Ministru li ħa l-ġurament tiegħu f’dan il-kastell fl-Iskozja.