Budget 2023 Ekonomija Lokali

BUDGET 2023: minn fejn se jonqos l-infiq tal-Gvern?

Il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż titlob għaqal kbir biex il-poplu ma jitgħabbiex b’piżijiet żejda, u l-Gvern irid jara kif se jaqta’ l-infiq tiegħu b’aktar minn €200,000,000 tul is-sena li ġejja.

Iżda minkejja dan sa issa jibqa’ mhux magħruf minn fejn, il-Gvern, beħsiebu jaqta’ l-infiq tiegħu.

Sa issa l-uniku tqaċċit li rajna kien il-miljun ewro li tnaqqsu mill-flus allokati ghall-Universita.

Net News staqsa lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana minn fejn beħsiebu jnaqqas in-nefqa, madankollu Caruana baqa’ ma semmiex minn fejn se jkun qed irażżan in-nefqa tiegħu. Hu qal biss li d-defiċit se jibqa’ fil-livell ta’ 5.5% u li l-Gvern se jkun qed iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli.

Dan is-sit staqsa wkoll lill-Ministru, kemm qed ibassar li se tkun in-nefqa biex tkun salvata l-Air Malta.

Clyde Caruana qal li fejn tidħol l-AirMalta se jkompli jieħu aktar deċiżjonijiet filwaqt li qal li għad irid ikompli jonfoq ħafna aktar miljuni fuq l-AirMalta.

Il-Ministru tal-Finanzi qal li l-Air Malta kienet mgħobbija b’wisq impjegati.

Clyde Caruana kien qed jitkellem qabel laqgħa tal-MCESD li matulha l-imsieħba soċjali komplew jgħaddu l-proposti tagħhom għall-budget li jmiss.

L-akbar tħassib għaż-żewġ unions il-kbar huma l-għoli tal-ħajja, b’Josef Vella tal-UĦM Voice of the Workers u Josef Bugeja tal-GWU it-tnejn isemmu l-COLA fil-kummenti tagħhom.

Minn naħa l-ohra, il-Forum Unions Maltin qed jinsisti li l-Gvern ghandu jiġbor it-taxxi li huma dovuti, u li jekk ma jhseħħx dan, il-piż se jispiċċaw iġorruh il-ħaddiema u dawk fil-middle class.

Il-Konfederazzjoni tal-Unions Maltin, is-CMTU insistiet fuq il-flust li qed jintefqu fuq l-infrastruttura u s-saħħa u qalet li l-Gvern irid irażżan il-ħela, bħal dik li ntefqet fil-kuntratti tal-isptarijiet, Martin Balzan qal li jekk iridu jsiru xi sagrifiċċji dawn għandhom isiru fuq il-kapriċċi u mhux fuq il-bżonnijiet.

Fil-budget li jmiss il-Gvern mistenni jagħti żieda ta’ minn tal-anqas €10, bil-Ministru Clyde Caruana jgħid li fil-ġimgħat li ġejjin se jkollhom jittieħdu aktar deċiżjonijet bħal dik li ttieħdet fil-konfront tal-AirMalta.