Atletika Sport

Dillon Cassar u Jemima Farley jirbħu l-Intersport Burmarrad 10k Road Race

Il-Ħadd f’Burmarrad saru t-tlielaq Intersport 10k u 5k b’Dillon Cassar u Jemima Farley jirbħu t-tlielaq emlwenin, dawk tal-10 kilometri.

Dillon Cassar kellu track record tajjeb f’Burmarrad. Fl-2020 irreġistra rekord ta’ 14.34 fuq ir-rotta ta’ 5km. Il-Ħadd il-ħin tat-tmiem tiegħu ta’ 31.13 rah jistabbilixxi rekord ġdid tal-korsa għad-distanza ta’ 10km.

Mat-tluq Cassar fetaħ distakk komdu bejnu u bejn l-eqreb sfidanti għall-podju, Andrew Grech, Matthew Xuereb u Alan Camilleri. Dawn tal-aħħar baqgħu qrib xulxin għal ħafna mit-tiġrija iżda fl-aħħar mill-aħħar kienu Grech u Xuereb li waslu sa fuq il-podju b’Xuereb jgħaddi lil Camilleri b’5 sekondi biss.

Jemima Farley kienet l-ewwel mara u l-ħames atleta li spiċċat il-korsa ta’ 10km. Hija temmet it-tellieqa f’ħin ta’ 34:48. Il-ħin tagħha naqas bi kważi żewġ minuti mill-ħin tagħha fl-2021. Roberta Schembri u Joelle Cortis segwew fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

Fit-tellieqa ta’ 5km, Simon Spiteri spiċċa fi 15-il minuta 36 sekonda. Hu kien segwit minn Jake Fenech u Matthew Borg rispettivament. It-tiġrija tan-nisa ntrebħet minn Rachel Borg, b’Rosalie Borg Cauchi tidħol sekonda wara Borg. Kimberly Gauci segwiet fit-tielet post.

It-tellieqa li jmiss tal-Intersport 10k u 5k Race Series se ssir fit-8 ta’ Diċembru u se tara lil-ġerrejja jieħdu r-Rotta tal-Belt Valletta.