Il-votanti fiċ-Ċilì ċaħdu b’mod assolut għall-introduzzjoni ta’ Kostituzzjoni ġdida li kellha tieħu post il-Kostituzzjoni attwali li ilha effetiva mid-dittatorjat militari tal-Ġeneral Augusto Pinochet li kien dam imexxi pajjiżu minn Settembru tal-1973 sa Marzu tal-1990.
Il-maġġoranza taċ-Ċileni li vvutaw fir-referendum speċifiku qalu ‘le’ għall-abbozz li kellu jwaqqaf Kostituzzjoni aktar progressiva.
Dan meta l-marġni tal-vot kontra hi ħafna akbar milli suġġerixxa l-istħarriġ ta’ opinjoni inizjali.
Sadanittant, il-President taċ-Ċilì, Gabriel Boric, qal li se jaħdem mal-Kungress u s-soċjetà ċivili bil-għan li huma jfasslu ‘proċess kostituzzjonali ġdid’. Dan wara li Boric kien apoġġja bil-miftuħ l-introduzzjoni tal-Kostituzzjoni ġdida.
F’diskors li għamel wara l-verdett tal-poplu, il-President Boric enfasizza wkoll ‘il-ħtieġa li l-Gvern jisma’ lin-nies li wrew biċ-ċar li mhumiex sodisfatti bil-proposta mressqa mill-Konvenzjoni għall-bidliet fil-Kostituzzjoni.
Hu issa se jkompli jaħdem lejn proposta li ‘timla liċ-Ċileni kollha bil-fiduċja’ minbarra li tikkonsolida l-għaqda fost il-poplu.
Il-proċess lejn il-bidla tal-kostituzzjoni li tirrifletti l-era tat-tmexxija militari fiċ-Ċilì kien beda tliet snin ilu wara li l-pajjiż spiċċa suġġett għall-protesti tal-massa.
Iċ-Ċilì, qabel, kien meqjus bħala zona ta’ stabbilità f’reġjun iddominat mit-taqlib u kien ukoll sinifikanti r-riżultat ta’ Ottubru tal-2020, meta mat-80 fil-mija taċ-Ċileni vvutaw (waqt referendum) biex jibdlu l-kostituzzjoni l-antika.
Madankollu, id-dokument ġdid, li tressaq mill-Konvenzjoni għall-għażla ta’ Kostituzzjoni ġdida u li l-membri tagħha kienu ntagħżlu mill-votanti), deher bħala wisq radikali għall-maġġoranza taċ-Ċileni.
F’każ ta’ konferma, il-Kostituzzjoni ġdida kellha tiddikjara liċ-Ċilì bħala pajjiż ‘plurinazzjonali’ li jirrikonoxxi d-drittijiet tal-popli indiġeni tal-Istat (u li jikkostitwixxu mat-13 fil-mija tal-poplu) għall-artijiet u r-riżorsi tagħhom.
Dan ukoll meta l-abbozz miċħud mill-poplu kellu anki jibdel ħafna mill-Istituzzjonijiet tal-pajjiż – fosthom is-Senat ta’ Santiago li kellu jċedi postu għal Kamra tar-Reġjuni ġdida.
//= $special ?>

