Sport Waterpolo

Il-Ġermanja tieħu t-13-il post iżda mhux qabel ħadet battikata mill-plejers Maltin

(Ritratt: LEN)

Rapport: Stewart Said

It-tim nazzjonali Malti temm il-Kampjonat Ewropew fl-14-il post wara telfa ta’ 14-11 kontra l-Ġermanja, riżultat li xorta ma jtappanx il-prestazzjonijiet f’din l-edizzjoni. Logħba li offriet emozzjonijiet kbar, bit-tim Malti jilgħab daqs il-Ġermaniżi minkejja d-differenza fil-kwalità taż-żewġ timijiet.

Il-plejers Maltin fl-ebda mument ma ddejqu mill-avversarji u kieku ma sarux ċertu żbalji f’mumenti partikolari, it-tim Malti seta’ anki jirbaħ, xi ħaġa li żgur kienet tkun meritata. Minkejja t-telfa, wieħed ma jridx jinsa li Malta għall-ewwel darba spiċċat mal-aqwa 14 tal-Ewropa.

Għalkemm f’logħbiet bħal dawn, il-plejers kollha jkunu taw is-sehem tagħhom, wieħed ma jistax ma jsemmix lil Dino Zammit, awtur ta’ ħames gowls iżda b’mod partikolari beda jieħu r-responsabbiltà li jmur għall-konklużjoni. Tislima wkoll lill-captain tat-tim Matthew Zammit, f’dik li kienet l-aħħar dehra tiegħu mat-tim nazzjonali.

It-tim Malti wera d-determinazzjoni tiegħu fl-ewwel sessjoni hekk kif fi tliet okkażjonijiet wieġeb wara gowl tal-avversarji. Il-Ġermanja fetħet l-iskor lejn nofs l-ewwel sessjoni permezz ta’ Philipp Dolff sakemm Ben Plumpton ġab id-draw. Liam Galea u Dino Zammit ċaħħdu lill-Ġermaniżi milli jżommu l-vantaġġ b’żewġ gowls sa tmiem l-ewwel sessjoni.

Malta marret l-ewwel darba fil-vantaġġ fil-bidu tat-tieni sessjoni b’gowl minn man-up ta’ Dino Zammit. L-istess plejer seta’ rdoppja l-vantaġġ iżda falla ċans quddiem il-gowlkiper, b’Mateo Cuk jieħu vantaġġ biex ġab id-draw mill-azzjoni sussegwenti. Il-Ġermaniżi rnexxielhom jiksbu vantaġġ doppju għall-ewwel darba u ħafna ħasbu li dan kien il-bidu tat-tmiem għat-tim Malti.

Iżda l-qlubija tal-plejers Maltin wasslet biex l-iskor sar 6-6. Għalkemm il-Ġermanja baqgħet tiskorja, fi tliet okkażjonijiet il-Maltin wieġbu mill-ewwel permezz ta’ Matthew Zammit, man-up maħdum tajjeb u skorjat minn Jeremy Abela kif ukoll gowl ieħor ta’ Dino Zammit.

Ben Plumpton poġġa lit-tim Malti 10-9 minn fuq fil-bidu tat-tielet sessjoni sakemm Philipp Dolff ġab id-draw f’azzjoni ta’ superjorità numerika. Sa minuta wara, il-Ġermanja fetħet vantaġġ ta’ 12-10. Il-gowl ta’ Dino Zammit żewġ minuti mit-tmiem ħalla lit-tim Malti b’ċans iżda ftit wara l-Ġermaniżi għalqu l-logħba u kellhom anki ċ-ċans li jagħmlu l-iskor finali 14-11.

Malta: J. Tanti, S. Gialanze, A. Galea, J. Gambin (1), Da. Zammit, M. Zammit (1), B. Plumpton (2), N. Bugelli, J. Abela (1), N. Zammit, L. Galea (1), Di. Zammit (5), N. Grixti

Ġermanja: M. Schenkel, Z. Bozic, F. Korbel, M. Cuk (1), F. Schuetze (3), M. Juengling (1), D. Strelezkij (2), L. Kueppers (3), M. Stamm, P. Dolff (2), P. Kubisch, M. Gansen (2), K. Goetz

Referees: Eurico Silva (Portugall), R. Horvath (Slovakkja)