Ir-Russja, li qed tkompli titlef kwantitá ta’ truppi u armamenti fil-gwerra tal-Ukrajna, spiċċat kostretta li tixtri t-tagħmir militari mingħand il-Korea ta’ Fuq. Dan ħareġ minn analiżi li għamlet l-Istati Uniti u meta r-Russja qed tkompli tbati mis-sanzjonijiet tal-Punent li ilhom imposti fuqha mindu l-qawwiet tal-Kremlin invadew l-artijiet Ukreni fi Frar li għadda.
L-iskala u kalibru tal-armamenti li qed jixtri l-Kremlin ma kienux iċċarati iżda rapporti deklassifikati li kisbet in-New York Times qalu li ir-Russja xtrat miljuni ta’ rokits u balal tal-artillerija mingħand il-Korea ta’ Fuq. Dan waqt li Moska, aktar ma ġġebbed il-gwerra, se jkollha ‘tonfoq dejjem aktar fuq l-armi mingħand dan il-pajjiż’.
It-telf kontinwu ta’ tagħmir militari qed iqanqal reazzjonijiet iddisprati minn Moska u meta r-Russja, ftit tal-jiem ilu, irċeviet l-ewwel ordni ta’ drones ġodda mingħand l-Iran.
Il-Korea ta’ Fuq u l-Iran it-tnejn qed ikunu suġġetti għal sanzjonijiet sinifikanti min-naħa tal-Punent u dawn iż-żewġ pajjiżi, illum, qegħdin jippruvaw jissudaw ir-relazzjonijiet mar-Russja ta’ Vladimir Putin.
Ir-reġim komunista Korean, immexxi minn Kim Jong-un, qed iwaħħal fl-Istati Uniti għall-konflitt fl-Ukrajna minbarra li qed jakkuża lill-Punent dwar ‘politika li tiġġustifika l-użu tal-forza min-naħa tar-Russja’.
Fl-aħħar ġimgħat, il-Korea komunista anki rikonoxxiet l-indipendenza tal-hekk-imsejħa Repubbliki tal-popli ta’ Donetsk u Luhansk fil-lvant tal-Ukrajna u li huma kontrollati mis-separatisti leali għal Moska. Fl-istess ħin, Pyongyang qed jistqarr ‘l-impenn għal ħbiberija’ mar-Russa; bil-President Russu, Putin, isostni li ż-żewġ pajjiżi għandom ‘jespandu r-relazzjonijiet bilaterali b’mod kostruttiv’.
Intant, l-Uffiċjali f’Wasihington qalu li l-fatt proprju li Moska qed iddur lejn il-Korea ta’ Fuq għall-għajnuna f’din il-gwerra juri biċ-ċar li l-militar tal-Kremlin qed ibati sew min-nuqqas tal-armi u provvisti f’sitwazzjoni dovuta, f’parti, għas-sanzjonijiet u l-kontrolli għall-esportazzjoni mill-pajjiżi tal-Punent.
//= $special ?>

