Internazzjonali

Il-Kanada: Jinstab mejjet wieħed mis-suspettati fil-qtil tal-massa li xxokkja lill-poplu

Il-pulizija Kanadiża sabet il-katavru ta’ Damien Sanderson li hu wieħed miż-żewġt aħwa li wettqu l-agħar dagħdigħa ta’ vjolenza għal snin f’dan il-pajjiż u li fiha qatlu lil għaxar persuni, minbarra li ħallew ‘il fuq minn 20 feruti minn daqqiet ta’ sikkina.

L-attakki sfrenati mill-aħwa seħħew nhar il-Ħadd fil-provinċja ta’ Saskatchewan u l-katavru ta’  Damien Sanderson instab fil-komunità indiħena ta’ James Smith Cree Nation, fejn kienu jgħixu l-parti kbira tal-vittmi. Intant, l-investigazzjonijiet ma’ ħarġu l-ebda indikazzjonijiet li l-aggressur suspettat seta’ qatel ruħu b’idejh. Dan meta l-qattiel suspettat l-ieħor, Miles Sanderson, kien għadu qed jiżgiċċa lill-pulizija li wissew lin-nies biex taħt l-ebda ċirkustanzi ma javviċinaw lil dan ir-raġel perikoluż.

Il-qtil u feriment ta’ daqstant nies fis-sensiela ta’ attakki ixxokkjaw lill-pajjiż kollu u meta l-pulizija qed imexxu investigazzjonijiet fi tlettax-il sit tad-delitt.

Ħadd ma kien jaf l-iskop wara dawn l-attakki, bl-awtoritajiet joħorġu akkużi ta’ omiċidju fil-konfront tal-aħwa minkejja li Damien Anderson hu kkonfermat bħala mejjet u l-fatt li ħuh għadu maħrub.

Hemm anki possibbiltà li Miles Sanderson – li għandu rekord kriminali u li hu magħruf sew mal-pulizija — spiċċa midrub fl-aħħar sigħat u fejn seta’ kien qed jipprova jfittex l-għajnuna medika. Lanqas mhu eskluż li l-istess Miles Sanderson seta’ kien ‘responsabbli’ għall-mewt ta’ ħuh, Damien.

Fl-istess ħin l-ogħla uffiċjali Kanadiżi qed iħeġġu lir-residenti ta’ James Smith Cree Nation biex javviċinawhom bi kwalunkwe informazzjoni dwar l-attakki qattiela inkella dwar xi movimenti li setgħu jqisuhom bħala suspettużi.