Liz Truss hi uffiċjalment il-Prim Ministru ġdid tar-Renju Unit wara li nħatret f’din il-kariga mir-Reġina Eliżabetta. Il-laqgħa ta’ konferma tradizzjonali saret fil-Kastell ta’ Balmoral, fl-Iskozja, u wara li l-eks Prim Ministru Boris Johnson kien għadda r-riżenja uffiċjali tiegħu lir-Reġina waqt laqgħa preċedenti.
B’hekk Truss saret it-tielet mara li qed tassumi r-rwol ta’ Prim Ministru tar-Renju Unit u li issa se sservi bħala l-ħmistax-il Prim Ministru matul ir-renju tar-Reġina Eliżabetta.
Kien deċiż minn qabel li l-‘handover’ tal-poter isir f’Aberdeenshire, minħabba li r-Reġina qed tbati bi problemi ta’ mobilità fl-età ta’ 96 sena.
Liz Truss, fl-aħħar xhur, kienet kabbret ir-reputazzjoni tagħha bħala politiku tenaċi, b’mod partikulari bħala l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u meta hi kienet fost il-personalitajiet prominenti li opponew lir-Russja wara li t-truppi tal-Kremlin kienu daħlu fl-Ukrajna.
Qabel il-konferma uffiċjali tagħha bħala Prim Ministru, Boris Johnson għamel diskors tal-aħħar barra l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’10 Downing Street ( f’Londra) fejn iddefenda r-rekord tiegħu bħala Mexxej tal-pajjiż filwaqt li ħeġġeġ biex id-deputati kollha tal-Partit Konservattiv (fil-Gvern) jingħaqdu wara Liz Truss.
Fl-istess ħin, Johnson – li ġimgħat ilu kien spiċċa minn Prim Ministru fost numru ta’ skandli u riżenji mill-Kabinett — qal li jħossu sodisfatt li seta’ jaqdi l-funzjoni tiegħu fl-interessi tal-poplu Britanniku f’perjodu ta’ 1,139 ġurnata. Madankollu, mhux daqstant possibbli li Johnson, eks Sindku ta’ Londra, għandu jerġa’ ikun attiv fil-politika fost indikazzjonijiet li hu qed jesplora diġà ‘toroq ġodda’ f’setturi differenti.
//= $special ?>