Edukazzjoni Lokali

Is-soċjetà kif tħares lejn persuni LGBTIQ+ b’diżabbiltà?

Fis-sena 2000 pajjiżna għadda l-liġi tal-opportunitajiet indaqs bil-għan li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabbiltà.

U fl-2014 daħlet il-liġi li tad-drittijiet ċivili lil persuni LGBTIQ+.

Madankollu  ż-żewġ minoranzi għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna sfidi, u meta persuna tkun tappartjeni għaż-żewġ gruppi, l-isfidi huma doppji minħabba nuqqas ta’ għarfien fis-soċjetà in ġenerali.

Propju minħabba f’hekk, il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà ikkummissjunat riċerka li tat ħarsa profonda lejn dawk li huma l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom dawn il-persuni.

Il-Kummissarju responsabbli Samantha Pace Gasan spjegat li l-Kummissjoni rat il-bżonn li tiffoka fuq persuni minn din il-komunità filwaqt li qalet li s-CRPD trid tara aktar inklużjoni fiż-żewġ komunitajiet.

Din ir-riċerka saret mill-Fakultà għat-tisħiħ tas-Soċjetà, u fiha pparteċipaw numru ta’ persuni b’diżabbiltà u li għandhom orjentazzjoni sesswali differenti… kemm Maltin kif ukoll Għawdxin.

L-eżerċizzju wassal ukoll għal numru ta’ rakkomandazzjonijiet fuq binarji differenti… li jistgħu  jagħmlu l-ħajja ta’ dawn il-persuni aktar faċli.

Intqal ukoll li biex jitkissru l-ostakli li jiffaċċjaw dawn jeħtieġ li nibdew nisfidaw twemmin antik li wassal sabiex inħolqu sterjotipi u ideat skorretti dwar persuni LGBTIQ b’diżabbiltà.

Ir-riċerka bit-tema ‘Intersecting Identities’ kellha l-għan li tixgħel dawl fuq il-fatt li persuni b’diżabbilta għandhom l-istess bżonnijiet sesswali li għandu kull individwu ieħor, bit-tama li s-soċjetà teduka aktar ruħha u taċċetta lil kull individwu irrispettivament mill-abbiltà jew l-orjentezzjoni sesswali tiegħu.

Għal din il-konferenza attendew ukoll Graziella Attard Previ, Kelliema tal-PN għall-Ugwaljanza u
Graziella, Galea, Kelliema tal-PN għall-Inklużjoni.