Lokali

“Jekk il-Gvern se jnaqqas il-fondi mhux se jagħmel ġid għat-turiżmu f’Malta” – MHRA

Kulħadd jaf kif is-settur tat-turiżmu ħa daqqa ta’ ħarta għal tliet snin sħaħ tul il-pandemija f’pajjiżna. U minkejja li issa s-sitwazzjoni ġiet kważi għan-normal, xorta waħda it-turiżmu ma laħaqx l-istess livell li konna nafu qabel dan iż-żmien diffiċli.

Dan filwaqt li l-għoli tal-ħajja mhix tgħin biex iktar turisti jiġu lejn pajjiżi u jonfqu bħal qabel.

Fid-dawl ta’ dan kollu, dawk li jaħdmu f’dan is-settur jafu biċ-ċar li l-fondi għalihom mill-Gvern hemm bżonn li jiżdiedu u mhux jonqsu.

Iżda l-Gvern, minflok għamel strateġija ċara kif pajjiżna jerġa’ jirpilja, qed jara kif jagħmel biex inaqqas l-ispejjeż tiegħu billi jitfagħhom fuq is-setturi li l-iktar iġibu flus għal pajjiżna.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti uriet l-inkwiet tagħha dwar l-impatt ferm negattiv la darba l-Gvern ma jagħtix fondi dovut lis-settur tat-turiżmu.

L-MHRA qalet li biex il-Gvern isolvi l-isfidi tal-ispejjeż tal-elettriku u l-fjuwil ma jista’ qatt iċaħħad lil numru ta’ setturi milli jimxu ‘ quddiem – li wara kollox jagħmel tajjeb għal pajjiżna.

Huma fakkru kif 25% tal-GDP ta’ pajjiżna hu grazzi għas-settur turistiku u hu għalhekk li s-settur hu importanti ferm għall-ekonomija Maltija.