Lokali

“Kull meta tixgħel bozza, il-kriminali qed iħaxxnu bwiethom” – protesta fil-Belt Valletta

Mafja…mafja. Kastilja bejta ta’ korruzzjoni.

Din hi l-għajta ta’ dawk li wieġbu għas-sejħa ta’ Repubblika biex it-Tlieta filgħaxija jidħlu l-Belt jipprotestaw wara li fl-ahhar jiem hargu fatti ġodda relatati ma’ korruzzjoni fil-progett tal-Electrogas.

Il-protesta kienet organizzata mill-ghaqda Repubblika u bdiet minn quddiem it-teatru l-antik u waqfet ftit aktar ‘il fuq fejn attivisti indirizzaw lil dawk preżenti.

Il-President tal-għaqda Repubblika fakkar kif hemm ordni tal-maġistrat inkwirenti sabiex issir investigazzjoni mill-ġdid dwar Egrant… u fakkar ukoll li l-maġistrat kien ordna wkoll li minbarra proċeduri kriminali fil-konfront tal-
Bank Pilatus, kellhom jibdew ukoll proċeduri kontra sitta minn nies oħra… madankollu sal-lum tħarrket biss persuna waħda minnhom kollha.

Manuel Delia li wkoll tkellem waqt din l-attività qal li kull meta wieħed jixgħel bozza f’daru qed jinsteraq minn klikka ta’ kriminali li għadhom sal-lum iħaxxnu bwiethom minn fuq il-familji u l-ħaddiema… u ħeġġeġ lin-nies iqumu u jaħsbu f’uliedhom.

Minn naħa tagħha, Joanna Agius minn Occupy Justice qalet li l-ġustizzja tkun saret verament mhux biss meta jinqabad kull min kien involut kien involut fl-assassinju ta’ ġurnalista… imma wkoll dawk kollha mdaħħla fi skandlu wara ieħor li ħarġu fl-aħħar snin.

Hi fakkret kif Xandir Pubbliku mħallas mit-taxxi tal-ħaddiem  Malti qed ikompli jgħatti xtur il-kriminali.

Dawk preżenti għajtu diversi slogans filwaqt li uħud kellhom f’idejhom posters b’messaġġi ta’protesta.

Għal din l-attività attenda wkoll il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione flimkien ma’ numru ta’ deputati u rappreżentanti oħra tal-Partit Nazzjonalista.