Lokali Saħħa

Pazjenti b’kundizzjonijiet rari jiksbu aċċess aħjar għat-Terapiji Tradizzjonali Ċiniżi

L-Alleanza Nazzjonali għall-Appoġġ għall-Mard Rari-Malta u ċ-Ċentru Reġjonali tal-Mediterran għall-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża ffirmaw Memorandum of Understanding li permezz tiegħu pazjenti b’mard rari li jgħixu f’Malta se jkunu qed jibbenifikaw minn terapiji offruti miċ-Ċentru.

L-MOU kien iffirmat mill-Fundatriċi u President tal-Alleanza Nazzjonali għall-Appoġġ għall-Mard Rari-Malta, Michelle Muscat..kif ukoll id-Direttur taċ-Ċentru Reġjonali tal-Mediterran għall-Mediċini Tradizzjoni Ċiniża, Chen Weifang.

Dan kollu sabiex persuni b’mard rari jkollhom aċċess għal dawn it-terapiji li se jwasslu għall-kura u standard ta’ għajxien aħjar għall-pazjenti u l-familji tagħhom.

Muscat spjegat li bħala Alleanza qed jappellaw lill-Gvern għall-National Action Plan u saħqet li tittama li  din l-għajta tinstemgħa biex ħadd ma jibqa lura.  

Mistoqsija dwar kif taħseb li qed jintlaqtu mill-għoli tal-ħajja l-persuni li l-Alleanza tiltaqa’ magħhom ta’ kuljum hija spjegat li matul il-pandemija saħansitra kien hemm persuni li jsofru minn mard rari li tilfu xogħlhom. Dan filwaqt li saħqet dwar l-importanza li kulħadd jingħata l-attenzjoni meħtieġa – hekk kif għalkemm tkun biss persuna waħda li ssofri minn ċertu marda rari ma jfissirx li din tkun waħedha. Dan għaliex bil-ftit riżorsi li għandhom, “għax l-Alleanza hija NGO u mhux il-Gvern”..jiprovaw jgħinu.

Finalment hija appellat lill-Awtoritajiet preżenti…u futuri jagħtu lil din il-kawża l-importanza li tixraqilhom.