Futbol Sport

BOV Challenge League: Rebħiet għal Żejtun u Swieqi….Lija u Mtarfa jispiċċaw fi draw ta’ mingħajr goals

Swieqi United 4-3 Marsaskala

F’logħba mill-iktar spettakolari Swieqi għelbu lil Marsakala 4-3, fejn Marsaskala lagħbu l-aħħar nofs siegħa bi plejer inqas wara li tkeċċa l-goalkeeper Attard.

Kienu Swieqi li marru fil-vantaġġ fis-26 minuta wara li Jamie Scerri għeleb lil Daniel Attard sabiex fit-43 minuta Marsaskala kisbu l-gowl tad-draw wara li Renold Winchester għeleb lil Jean Claude Debattista. Fis-56 minuta kien Adrian Carabott li poġġa lil Marsaskala fil-vantaġġ, madankollu ħames minuti wara mill-ġdid Jamie Scerri għeleb lil Attard għat 2-2. Fis-77 minuta Swieqi United marru fil-vantaġġ permezz ta’ Kieran Xuereb filwaqt li fid-89 minuta l-iskor sar 4- 2 b’gowl minn Roderick Taliana. Marsaskala mill-ġdid naqqsu l-iskor fir-raba’ minuta ta’ ħin miżjud permezz ta’ Tyron Hili.

Referee tal-partita kien Trustin Farrugia Cann.

Żejtun Corinthians 2-1 Vittoriosa Stars

Fis-Centenary Stadium, Żejtun Corinthians għelbu lil Vittoriosa Stars bl-iskor ta’ 2-1. Bit-tielet rebħa minn daqstant partiti Żejtun telgħu fl-ewwel post tal-klassifika b’9 punti daqs Sliema Wanderers filwaqt li Vittoriosa Stars sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun.

Wara biss erba’ minuti, Caique Da Silva Santos għeleb lil James Abela sabiex poġġa lil Żejtun fil-vantaġġ. Wara biss ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Żejtun irduppjaw permezz ta’ Jurgen Debono. Reazzjoni minn Vittoriosa Stars li kellhom jistennew sas-86 minuta biex inaqqsu l-iskor permezz ta’ Evair Grech li għeleb lil Chris Farrugia.

Referee tal-partita : Alex Johnson

Lija Athletic 0-0 Mtarfa

Fil-Victor Tedesco Stadium Lija Athletic u Mtarfa spiċċaw fi draw ta’ 0-0. Partita kkontrollata minn Daniel Portelli li fl-14-il minuta keċċa lil captain ta’ Mtarfa , Maximilian Borg Bartolo li minkejja bi plejer anqas għalqu l-ewwel taqsima bl-iskor intatt. Matul it-tieni taqsima l-andament baqa’ l-istess b’Mtarfa sodisfatti bir-riżultat miksub u wisq aktar bit-tieni punt miksub.