Sport Sport Ieħor

Is-segwaċi tar-Regatta jħossuhom traduti wara l-wegħda miksura li saret f’Marzu li għadda minn Transport Malta

(Ritratt: Joseph Galea)

Artiklu: Stewart Said

Wara li s-sena l-oħra ma saret l-ebda regatta minħabba l-Covid-19 u l-miżuri riġidi li ġew imposti mill-Awtorità tas-Saħħa, is-segwaċi ta’ dan l-isport kienu qed jistennew l-2022 biex igawdu dak li jħobbu. Iżda sfortunatament l-aħħar jiem kienu dominati minn frustrazzjoni kontinwa hekk kif il-Port il-Kbir se jerġa’ jkun dominat minn Cruise Liners li se jgħattu l-veduta ta’ ħafna fuq in-naħa tal-Belt Valletta.

Lura f’Marzu li għadda, proprju ftit jiem qabel ir-Regatta tal-31 ta’ Marzu, Transport Malta, dak iż-żmien taħt it-tmexxija tal-Ministru Ian Borg, kienet ikkonfermat bil-miktub li għar-Regatta ta’ Jum il-Vitorja, ma kienx se jkun hemm bastimenti fil-Port f’Pinto Wharf 4 u 5, jew aħjar post strateġiku biex il-partitarji jsegwu t-tlielaq, b’mod partikolari dawk ta’ Bormla.

B’dan il-ftehim, id-dilettanti aċċettaw id-diffikultà li kien hemm f’Marzu li għadda iżda bdew iħarsu b’ottimiżmu għal Settembru. Dan sakemm madwar ftit iktar minn ġimagħtejn ilu, l-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor skopriet li f’Jum il-Vitorja se jerġa’ jkun hemm il-vapuri kbar fil-Port.

Il-Valletta Cruise Port għandhom kuntratt fil-preżent biex il-vapuri jkunu jistgħu jidħlu u jintrabtu mal-moll fil-Port il-Kbir. Entità bħal Transport Malta żgur li taf b’dan il-ftehim.

Il-mistoqsija li ħafna qed isaqsu hi għaliex Transport Malta assigurat li fir-regatta li ġejja mhux se jkun hemm vapuri, meta taf hi stess li fit-8 ta’ Settembru kienu se jidħlu l-vapuri?

Din id-deċiżjoni qed tiġi interpretata minn ħafna bħala musmar ieħor fil-popolarità tar-regatta. Għal diversi nies li jsegwu r-regatta, mhux qed issir ħidma biżżejjed minn persuni li għandhom il-poter f’dan is-settur, biex dan l-isport tradizzjonali jiġi preservat u saħansitra msaħħaħ.