“L-istudenti għandhom ikunu parti mir-reżistenza.”
Dan intqal waqt il-protesta fl-Universita’ ta’ Malta hekk kif sar magħruf li hemm pjan sabiex jitwaqqa l-ħanut l-antik tal-kotba magħruf bħala Mireva u tinbena lukanda ta’ ħdax-il sular minfloku.
Il-President tal-KSU Alexandra Gaglione fid-diskors tagħha qalet li l-istudenti mhux qed jingħataw widen meta jitħabbru proġetti bħal dawn. Hija fakkret li bħalissa fl-Universita’ m’hemmx ħanut tal-kotba fejn wieħed ikun jista’ jiskopri pubblikazzjonijiet ġodda. Barra minn hekk, qalet li l-istudenti m’għandhomx iħossuhom ristretti fl-ambjent tagħhom stess.
Minn naħa tiegħu, l-Uffiċjal tal-Politika Soċjali Jeremy Mifsud saħaq li l-istorja u l-kultura ta’ pajjiżna qed jispiċċaw sekondarji hekk kif ta’ kuljum qed jitla bini ġdid li saħansitra jgħatti l-veduti li konna ngawdu.
Huwa spjega wkoll għalfejn ċertu studenti ma jattendux dawn il-protesti anke meta jkunu jaqblu mal-messaġġ li qed jitwassal. Dan qed jiġri għaliex l-istudenti jafu li fl-aħħar minn l-aħħar hemm ċans kbir li ma jinbidel xejn u l-proġett isir xorta waħda.
Għal din il-protesta kien hemm preżenti diversi studenti kif ukoll letturi tal-Universita’ li ilkoll appellaw biex il-messaġġ jasal għand l-awtoritajiet u tittieħed azzjoni.
//= $special ?>