Lokali

Miriam Dalli ma tweġibx jekk id-deal ta’ Konrad Mizzi hux se jiġi investigat

Il-ftehim bejn il-Gvern Malti u s-SOCAR li ġie żvelat minn The Daphne Caruana Galizia Foundation u l-ġurnalisti ta’ The Shift News, ikompli jikxef is-serq u l-korruzzjoni marbut mal-proġett tal-power station tal-Electrogas.

Fl-aħħar sigħat saqsejna lill-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli dwar dan id-deal ta’ Konrad Mizzi u jekk dan hux se jiġi investigat, bil-Ministru tonqos milli twieġeb b’mod dirett.

Miriam Dalli: “Dak huwa ftehim li kien jassigura il-provvista li ġie terminat ħames snin ilu, li qatt ma daħal fis-seħħ”

Ġ: “Tarah stramb dan id-deal?”

Miriam Dalli: “Kwalunkwe issue ta’ enerġija dejjem trid tassigura il-provvista, waħda mill-affarjiet li dejjem nitkellmu dwarha hija s-security supply… dan kien security of supply agreement…

Ġ: “Però int bħalha Ministru tal-Enerġija tarah stramb, kif ukoll jekk dan id-deal hux se jkun investigat?”

Miriam Dalli: “Security of supply agreements isiru biex tkun assigurata l-provvista tal-enerġija”

Evidenti mit-tweġibiet, il-Ministru baqgħet tiddefendi lil Konrad Mizzi u qatt ma tefgħat ħtija fuq l-eks Ministru Laburista meta fir-realtà hu kien il-Ministru li ffirma dan il-ftehim sigriet.

“Ma nafx int kellimtni fuq is-security of supply agreement u jien fuq hekk kellimtek”

Mir-rappori li ħarġu s’issa sirna nafu li dan il-ftehim mhux talli ma ġiex diskuss mal-Kummissjoni Ewropea, talli ġie moħbi minħabba l-biża’ li jmur kontra r-regoli u l-prinċipji Ewropej, bil-konsegwenzi kollha li din id-deċiżjoni tista’ ġġib magħha.