Bayern jegħlbu lil Inter f’San Siro
Napoli umiljaw lil Liverpool fi Stadio Armando Maradona, filwaqt li Bayern rebħu f’San Siro kontra Inter. Barcelona kisbu rebħa kbira kontra Plzen u Tottenham rebħu 2-0 kontra Marseille.
Grupp A
Wirja brillanti ta’ Napoli li ġabu fix-xejn lil Liverpool fejn minbarra l-erba’ gowls Napoli fallew ukoll penalty minn Osimhen. Kien Zielinski li fetaħ l-iskor minn penalty u sal-intervall Anguissa u Simeone żiedu iktar gowls għal Napoli. Fil-bidu tat-tieni taqsima Zielinski skorja t-tieni gowl personali tiegħu u fl-49 minuta Luis Diaz skorja l-gowl ta’ konsolazzjoni tar-Reds.
Ajax kellhom bidu mill-aqwa meta għelbu lil Rangers 4-0. Ajax skorjaw tliet gowls fl-ewwel nofs siegħa permezz ta’ Alvarez, Berghuis u Kudus, u għaxar minuti mit-tmiem Berwijn skorja r-raba’ u l-aħħar gowl.
Grupp B
Clube Brugge għelbu lil Bayer Leverkusen 1-0 grazzi għal gowl skorjat minn Sylla fit-42 minuta.
Fil-logħba l-oħra mill-grupp Atletico Madrid għelbu lil Porto 2-1 bil-gowls kollha jaslu fil-ħin miżjud. Hermoso fetaħ l-iskor għal Atletico fil-91 minuta u ħames minuti wara Uribe kiseb id-draw minn penalty. Atletico kisbu r-rebħa fil-11-il minuta ta’ ħin miżjud permezz ta’ Griezmann.
Grupp C
Fl-iktar logħba mistennija minn dan il-grupp, Bayern Munich kisbu rebħa komda ta’ 2-0 kontra Inter f’San Siro. Bayern fetħu l-iskor ta’ Sane fil-25 minuta u għalqu l-logħba fis-66 minuta meta xutt tal-istess Sane kien mixħut fix-xibka tiegħu stess minn D’Ambrosio f’attentat li jikklerja.
Fil-logħba l-oħra mill-grupp festa ta’ Barcelona li għelbu lil Viktoria Plzen 5-1, bis-solito Robert Lewandowski jiskorja tlieta mill-gowls tal-Katalani. Il-gowls l-oħra waslu mill-eks plejer ta’ Milan Frank Kessie u minn Ferran Torres.

Grupp D
Bidu tajjeb għal Sporting li ġabu fix-xejn lil Eintracht Frankfurt u rebħu bi tliet gowls fit-tieni taqsima. Edwards fetaħ l-iskor fil-65 minuta, u żewġ minuti wara Trincao skorja t-tieni gowl. Fit-82 minuta Santos skorja t-tielet u l-aħħar gowl tal-Portugiżi.
Tottenham ukoll bdew b’rebħa meta għelbu lil Marseille li kienu qed jilagħbu b’għaxar plejers 2-0. Għal Tottenham l-eroj kien il-Brażiljan eks Everton Richarlison li skorja doppjetta fl-aħħar kwarta tal-logħba.
Riżultati :
Grupp A
Napoli 4-1 Liverpool
Ajax 4-0 Rangers
Grupp B
Brugge 1-0 Leverkusen
Atletico 2-1 Porto
Grupp C
Barcelona 5-1 Plzen
Inter 0-2 Bayern
Grupp D
Eintracht 0-3 Sporting
Tottenham 2-0 Marseille
//= $special ?>