Kulħadd jiftakar it-tanker taż-żejt Hephaestus li kien għamel madwar sitt xhur inkaljat max-xatt tal-Qawra qrib Ta’ Fra Ben wara li baħar qawwi kien qata’ l-irbit tiegħu qrib is-Sikka l-Bajda u ġarru għal diversi metri… ironikament fl-istess jum tan-Nawfraġju ta’ San Pawl.
Tanker taż-żejt, reġistrat it-Togo b’daqs ta’ 60 metru, li kien ġab biża’ miegħu fid-dawl li seta’ jagħmel ħafna ħsara lill-biodiversità. Iżda issa, erba’ snin wara, dan il-bastiment sar attrazzjoni għall-bugħaddasa.
Dak iż-żmien, it-tanker kellu wisq ħsarat biex jitranġa u b’hekk ittieħdet deċiżjoni li l-bastiment isir attrazzjoni f’qigħ il-baħar.
Il-kumpanija Cassar Marine Group ħadu responsabbiltà tiegħu fejn bdiet ħidma ma taqta’ xejn sabiex it-tanker jitnaddaf u jitranġa ħalli jkun sigur għall-biodiversità u fl-istess waqt sigur għall-bugħaddasa.
Fil-fatt, il-bastiment għadda minn proċess ta’ tindif estensiv fejn fost l-oħra tneħħew kull qatra żejt li kien fih u apparat li jista’ jagħmel ħsara lill-baħar… proċess li ħa x-xhur. Fl-aħħar, fil-bastiment saru toqob biex ikun jista’ jiġi mgħarraq fix-Xatt l-Aħmar fejn hemmhekk saret operazzjoni delikata biex dan iseħħ.
Hekk kif it-tanker tnaddaf kompletament, l-ebda ħsara mhi se tkun qed issir għall-biodiversità. Anzi, dan it-tanker, bħal kull bastiment ieħor f’qigħ il-baħar, se jkun qed iservi bħal hub għall-kreaturi kollha tal-baħar.
Dan huwa s-seba’ bastiment li l-kumanija ħadmet fuqhom biex ikunu jistgħu jsiru attrazzjoni fil-baħar, bl-ewwel wieħed imur lura għas-snin sebgħin.
Ritratti: Cassar Marine Group
//= $special ?>