Sport Sport Ieħor

Ix-Shield ta’ Jum il-Vitorja tirritorna f’Bormla u jkomplu joqorbu lejn l-Isla… jirbħu wkoll Kategorija B

(Ritratt: Joseph Galea)

Artiklu: Stewart Said

Bormla rebħu r-Regatta ta’ Jum il-Vitorja wara li rebħu d-dwell mal-Isla. Dan hu l-21 suċċess għall-Bormliżi f’din ir-Regatta u issa jinsabu proprju żewġ Shields anqas mir-rekord ta’ 23 darba li jokkupaw proprju l-Isla.

L-edizzjoni tar-Regatta ta’ Jum il-Vitorja rritornat wara li s-sena l-oħra ma saritx minħabba li l-Awtoritajiet tas-Saħħa ma tawx il-permessi neċessarji biex tiġi organizzata minħabba l-pandemija tal-Covid. Sfortunatament din ir-Regatta kienet imtappna wkoll b’kontroversja hekk kif fuq in-naħa tal-Belt Valletta kien hemm żewġ Cruise Liners li qed jgħattu l-veduta ta’ dawk li normalment isegwu r-Regatta minn din iż-żona.

F’Kategorija A, Bormla rebħet it-tlielaq Tal-Pass bi Tnejn u Tal-Pass b’Erbgħa, il-Birgu rebħet Tal-Midalji wara diversi snin, il-Kalkara spiċċat l-ewwel fil-Frejgatina u l-Isla rebħet fil-Kajjikki. F’Kategorija B, Bormla ħarġet rebbieħa fit-tlielaq Tal-Pass bi Tnejn, Tal-Midalji u Tal-Pass b’Erbgħa filwaqt li l-Isla rebħet it-tlielaq tal-Kajjikki u l-Frejgatini.

It-tellieqa tan-nisa reġgħet ġiet dominata mill-Birgu. Il-koppja Shazel Grima u Glynnis Mizzi ħarġu rebbieħa qabel l-Isla u Bormla. Għal Mizzi tiżdied il-kullana ta’ rebħiet hekk kif minbarra Marzu li għadda ma’ Grima, rebħet sentejn ilu ma’ Rachelle Gialanze.

L-aħħar tellieqa kienet deċiżiva f’Kategorija A

It-tellieqa Tal-Midalji tat togħma ta’ dak li konna se nistennew tul din l-edizzjoni hekk kif baqgħet inċerta sal-aħħar f’taqtigħa mill-isbaħ. Kienu l-Birgu li ħarġu rebbieħa bi ftit metri qabel l-Isla, bil-qaddiefa ta’ Bormla jtemmu t-tielet. F’Marzu li għadda kienu l-Isla li rebħu qabel il-Birgu.

Il-Kalkara żammet mal-aspettattiva fit-tellieqa tal-Frejgatina. Il-koppja Clyde Mizzi u Davison Micallef irrepetew is-suċċess ta’ Marzu li għadda b’qadfa kostanti. Bormla daħlu t-tieni permezz ta’ Kieran Zammit u George Frendo wara li għelbu taqtigħa mal-Isla.

Jekk fit-tellieqa tal-Frejgatina nżammet l-aspettattiva, l-istess ġara fit-tellieqa Tal-Pass ta’ bit-Tnejn. Clive Casha u Dennis Thornton taw l-ewwel rebħa lil Bormla f’Kategorija A, liema rebħa fissret id-19-il waħda konsekuttiva flimkien f’din it-tellieqa. L-Isla daħlet it-tieni għas-spejjeż ta’ Marsamxett.

L-Isla kisbet rebħa prezzjuża fil-Kajjikki biex b’hekk it-tlielaq sa dak il-ħin kienu ntrebħu minn distretti differenti u b’hekk fetħu t-tamiet li jirbħu x-Shield beraħ. Christian Camilleri u Nigel Sant kellhom prestazzjoni pożittiva u rnexxielhom jaqsmu l-linja qabel Maximilian Mamo u Romario Brignone, il-qaddiefa li proprju rebħu d-dwell f’Marzu li għadda.

Simili bħal dak li seħħ f’Kategorija B, it-tellieqa Tal-Pass b’Erbgħa kienet se tiddeċiedi kollox. Il-protagonisti prinċipali ma ddiżappuntawx, bil-qaddiefa ta’ Bormla u l-Isla telgħu tul il-kanal flimkien, b’tal-ewwel joħorġu rebbieħa b’distakk ta’ anqas minn opra minn dik tal-Isla.

Klassifika Finali Kategorija: Bormla 66 punt, Isla 56 punt, Birgu 24 punt, Kalkara 12-il punt, Birżebbuġa 8 punti, Marsamxett 6 punti

(Ritratt: Joseph Galea)

Il-mixja ta’ Bormla lejn ir-rebħ ta’ Kategorija B

Bormla bdew l-impenji f’Kategorija B bir-rebħ tat-tellieqa Tal-Pass b’żewġ imqadef. Il-koppja Charvon Gatt u Cleaven Falzon kienu fuq quddiem prattikament il-ħin kollu u ħarġu rebbieħa meritatament. Marlon Cutajar u Kevin Camilleri tal-Isla daħlu ftit metri qabel Owen Galea u Loran Zarb tal-Birgu.

L-Isla rebħet it-tieni tellieqa dik tal-Kajjikki. Huma kellhom dwell ma’ Birżebbuġa, b’dawn tal-aħħar ġew skwalifikati hekk kif kważi ħabtu mal-opra tal-Isla. B’hekk il-koppja Cayvon Gatt u Ericsen Liam irrepetew is-suċċess ta’ Marzu li għadda. Il-Kalkara u Bormla daħlu t-tieni u t-tielet wara l-iskwalifika ta’ Birżebbuġa.

Ir-rebħa komda ta’ Bormla fit-tellieqa Tal-Midalji nisslet fiduċja ġdida fit-tamiet tal-Bormliżi. L-Isla u l-Birgu kisbu l-paljijiet tat-tieni u t-tielet biex b’hekk ma nbidel xejn mir-Regatta ta’ Marzu li għadda.

Id-dwell bejn Bormla u l-Isla kompla wara li s-Sengleani rebħu t-tellieqa tal-Frejgatini permezz ta’ Owden Caruana Smith u Cayvon Gatt. Bil-qaddiefa ta’ Bormla ma kisbux punti, sa dak il-mument, l-Isla kienet fil-quċċata u għalhekk l-aħħar tellieqa kienet se tiddeċiedi kollox.

Fit-tellieqa Tal-Pass ta’ b’Erba’ Mqadef, Bormla mhux biss spiċċaw qabel l-Isla iżda l-isfidanti diretti tagħhom ma kisbu l-ebda punt wara li spiċċaw wara l-Birgu u l-Kalkara. L-ekwipaġġ rebbieħ kien magħmul minn Elton Azzopardi, Charvon Gatt, Cleaven Falzon u Yannick Pace.

Klassifika Finali Kategorija B: Bormla 68 punt, Isla 48 punt, Birgu 28 punt, Kalkara 20 punt, Birżebbuġa 8 punti

(Ritratt: Joseph Galea)

Ir-Riżultati tat-tlielaq kollha

Tellieqa tan-nisa – Frejgatini

Riżultat – 1. Birgu, 2. Isla, 3. Bormla

Ekwipaġġ rebbieħ – Shazel Grima, Glynnis Mizzi

L-ewwel tellieqa – Kategorija B – Tal-Pass b’żewġ imqadef

Riżultat – 1. Bormla 20 punt, 2. Isla 12-il punt, Birgu 6 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Charvon Gatt, Cleaven Falzon

It-tieni tellieqa – Kategorija A – Tal-Midalji

Riżultat – 1. Birgu 20 punt, 2. Isla 12-il punt, 3. Bormla 6 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Owen Zammit, Antoine Brignone, Wayne Xuereb, Sven Refalo

It-tielet tellieqa – Kategorija B – Kajjikki

Riżultat 1. Isla 12-il punt, 2. Kalkara 8 punti, 3. Bormla 4 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Cayvon Gatt, Ericsen Lia

Ir-raba’ tellieqa – Frejgatini Kategorija A

Riżultat 1. Kalkara 12-il punt, 2. Bormla 8 punti, 3. Isla 4 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Clyde Mizzi, Davison Micallef (Gulia Vella – Coxwain)

Il-ħames tellieqa Kategorija B Tal-Midalji

Riżultat 1. Bormla 20 punt, 2. Isla 12-il punt, 3. Birgu 6 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Dusty Cassar, Charvon Gatt, Cleaven Falzon, Yannick Pace

Is-sitt tellieqa – Kategorija A – Tal-Pass ta’ bit-Tnejn

Riżultat 1. Bormla 20 punt, 2. Isla 12-il punt, 3. Marsamxett 6 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Clive Casha, Dennis Thornton

Is-seba’ tellieqa – Kategorija B – Frejgatini

Riżultat 1. Isla 12-il punt, 2. Birżebbuġa 8 punti, 3. Kalkara 4 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Owden Caruana Smith, Cayvon Gatt (Theon Pace – Coxwain)

It-tmien tellieqa – Kategorija A – Kajjikki

Riżultat 1. Isla 12-il punt, 2. Bormla 8 punti, 3. Birgu 4 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Christian Camilleri, Nigel Sant

Id-disa’ tellieqa – Kategorija B – Tal-Pass b’Erbgħa

Riżultat 1. Bormla 24 punt, 2. Birgu 16-il punt, 3. Kalkara 8 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Elton Azzopardi, Charvon Gatt, Cleaven Falzon, Yannick Pace

L-għaxar tellieqa Kategorija A Tal-Pass bErbgħa

Riżultat 1. Bormla 24 punt, 2. Isla 16-il punt, 3. Birżebbuġa 8 punti

Ekwipaġġ rebbieħ – Maximilian Mamo, Clive Casha, Dennis Thornton, Jurgen Camilleri

(Ritratt: Joseph Galea)

Ir-rebbieħa tar-Regatta ta’ Jum il-Vitorja

Senglea                23

Bormla                 21

Marsa                  14

Kalkara                7

Marsamxett       2

Birgu                    1

Ir-rebbieħa tax-Shield fl-aħħar 10 snin

2013       Bormla/Marsa

2014       Marsa

2015       Marsa

2016       Marsa

2017       Bormla

2018       Bormla

2019       Bormla

2020       Marsa

2021       ma saritx

2022       Bormla