Lokali

Aktar minn 700,000 passiġġier jgħaddu mill-MIA f’Awwissu

mia

Matul din is-sena, ix-xahar ta’ Awwissu kien l-aktar impenjattiv għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta…bil-passiġġieri minn u lejn l-ajruport Malti jaqbżu s-700,000 għall-ewwel darba mill-2019 ‘l hawn…b’712,122 passiġġier.

Dan ifisser li matul dan ix-xahar il-livelli jlaħqu ftit inqas minn 87% tal-passiġġieri totali li kienu rreġistrati matul l-istess xahar fl-2019.

L-aktar destinazzjonijiet popolari matul dan ix-xahar kienu l-Italja, Franza, Ġermanja, Spanja u r-Renju Unit…madanakollu l-Ġermanja u r-Renju Unit xorta waħda rreġistraw livelli baxxi meta kkumparati maċ-ċifri tal-2019; l-aħħar sena sħiħa qabel faqqgħet il-pandemija tal-Covid.

L-aktar destinazzjoni minn u lejn Malta li rreġistrat tkabbir b’saħħtu kienet il-Greċja, b’44% filwaqt li Franza kellha żieda notevoli bi tkabbir ta’ 34% meta ċ-ċifri jiġu mqabbla mal-istess perjodu qabel il-pandemija.

Iċ-ċiri tal-ajruport juru li l-aktar jum impenjattiv fl-MIA kien il-21 ta’ Awwissu.

Intant, nies fl-industrija qed jappellaw biex il-Gvern ikompli jagħti sostenn lis-settur ħalli dawn in-numri jkomplu jiżdiedu. Bl-MHRA tinsisti li t-tnaqqis tal-budget m’għandux iseħħ minn dan il-qasam li tant huwa importanti għal pajjizna.