Internazzjonali

Ħarsa lejn saħħet ir-Reġina fl-aħħar snin

Id-dinja xegħlet fuq saħħet ir-Reġina Eliżabetta II li fl-aħħar jiem marret wisq lura.

Dan wara li t-tobba tagħha qalu li l-kundizzjoni ta’ saħħitha hi nkwetanti.

Madanakollu, dan ma kienx l-ewwel darba li saħħet ir-Reġina kienet ħażina. Fil-fatt, fl-aħħar snin rajniha saħansitra tagħmel numru ta’ operazzjonijiet, bit-tobba jappellawlha biex taqta’ daqsxejn mix-xena tal-Monarkija għal perjodu qasir ta’ żmien biex tistrih.

Fl-2003, ir-Reġina Eliżabetta II kienet daħlet fi sptar biex issirilha operazzjoni fl-irkoppa, bil-ġimgħat ta’ wara użat bastun fil-pubbliku.

Għaxar snin wara, fl-2013 kienet reġgħet daħlet fi sptar hekk kif kienet qed issofri minn gastroenteritis.

U fl-2016 kienet dehret tuża’ lift minflok telgħet 26 tarġa meta marret għall-ftuħ tal-Parlament Ingliż.

Imbagħad, fl-2018 reġgħet għamlet operazzjoni oħra għall-katarretti f’waħda mill-għajn.

Iżda saħħitha bdiet tmur lura l-iktar minn lejn l-aħħar tas-sena 2021.

Fit-12 t’Ottubru 2021, fl-età ta’ 95 sena, hi kienet dehret timxi b’bastun f’Westminster Abbey hekk kif bdiet issib problemi biex timxi mingħajru. Matul l-istess xahar, it-tobba kienu ordnawlha biex tistrih tant li kellha tħassar numru ta’ attivitajiet li kellha.

Tmint ijiem wara, fl-20 t’Ottubru, ir-Reġina għamlet lejl fl-Isptar privat King Edward VII.

F’Novembru ta’ wara, ir-Reġina m’attendietx iċ-ċerimonja Cenotaph wara li weġġgħet darha.

Fil-21 ta’ Frar 2022 kien ġie rraportat li r-Reġina ttestjat pożittiva għall-Covid-19. Buckingham Palace kien irraporta li qed tbati minn sintomi ħfief. Madanakollu, f’telefonata li kellha ma’ tabib, hi saħqet li l-virus ħalliha għajjiena ħafna.

Riċentament, f’Mejju li għadda, ir-Reġina kienet qed issofri minn problemi ta’ mobbiltà tant li għall-ewwel darba f’59 sena m’attendietx il-ftuħ tal-Parlament Ingliż. Dan filwaqt li m’attendietx lanqas fil-maġġorparti taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Platinum Jubilee.

U għall-ewwel darba kemm ilha tmexxi, hi appuntat lill-Prim Ministru l-ġdid tar-Renju Unit, Liz Truss f’Balmoral minflok f’Buckingham Palace. Ir-Reġina kienet tinsab f’Balmoral għall-perjodu tas-sajf, bit-tobba iħeġġuha biex ma tivvjaġġax.

It-Tlieta li għadda, ir-Reġina saħansitra ħassret laqgħa li kellha b’mod virtwali mal-Kunsill Privy.

Issa, ir-Reġina tinsab imdawra b’diversi qraba f’Balmoral hekk kif saħħitha marret wisq lura.