Internazzjonali

Ir-Reġina Eliżabetta: Simbolu ta’ konsistenza, permanenza u stabbilità

L-aħbar li l-kundizzjoni tar-Reġina Eliżabetta qalbet għall-agħar fakkret lil kulħadd fl-importanza u s-sinfikat ta’ din il-Kap tal-monarkija għal pajjiżha – u anki d-dinja.

Dan qalu Robert Hardman, il-biografista irjali u l-awtur tal-ktieb ċelebri Queen of Our Times,  li sostna wkoll kemm il-Britanniċi għandhom post speċjali f’qalbhom għar-Reġina.

‘Ir-Reġina Eliżabetta hi unika u differenti minn kwalunkwe kap tal-monarkija fl-istorja tar-Renju Unit’ qal Hardman li fakkar mill-ġdid li r-renju ta’ Eliżabetta hu diġà kkonfermat bħala l-itwal wieħed fl-eżistenza tal-pajjiż..

L-awtur fakkar li r-Reġina dejjem qdiet dmirha b’sens ta’ dedikazzjoni u li hi kienet strumentali fl-iżviluppi li għadda minnu r-Renju Unit mindu, fl-1952, laħqet minflok missierha fuq it-tron tar-Renju Unit.

Robert Hardman insista li r-Reġina tibqa’ bħala simbolu ta’ konsistenza, permanenza u stabbilità fuq livell nazzjonali.

U waqt li l-maġġoranza assoluta tal-Britanniċi għexu ħajjithom kollha taħt ir-renju ta’ Eliżabetta, l-awtur sostna li ‘fi żmenijiet bħal dawn, kulħadd għandu jirrealizza kemm ir-Reġina hi personalità importanti u imprezzabbli  għall-poplu Britanniku’.