Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Titħabbar il-mewt tar-Reġina Eliżabetta fl-età ta’ 96 sena

Ir-Renju Unit u d-dinja qegħdin isellmu lir-Reġina Eliżabetta t-Tieni li mietet ftit tal-ħin ilu fil-Kastell ta’ Balmoral, fl-Iskozja, fl-età ta’ 96 sena.

Ir-Reġina, fl-aħħar jiem ta’ ħajjitha, kienet qed tbati minn problemi ta’ mobbilità iżda kien proprju fl-aħħar sigħat li hi tqiegħdet taħt superviżjoni medika fil-kastell ta’ Balmoral wara li t-tobba esprimew tħassib dwar il-kundizzjoni tagħha.

Stqarrija minn Buckingham Palace qalet li t-tobba li evalwaw lir-Reġina irrakkmandaw biex hi tibqa’ taħt superviżjoni – bl-istqarrija wkoll titqies bħala sinifikanti għaliex fl-aħħar xhur, il-kelliema għall-Familja Rjali kienu qalu ftit li xejn dwar il-kundizzjoni tar-Reġina.

Il-fatt li l-uffiċjali f’Buckingham Palace iddeċidew dwar in-neċessità ta’ stqarrija, flimkien mal-fatt li l-membri kollha tal-Familja Rjali kienu qed jivvjaġġaw lejn Balmoral, kienu wkoll ‘indikazzjonijiet’ li t-tmiem tar-Reġina kien fil-qrib. Dan ukoll ladarba l-kundizzjoni fiżika ta’ Eliżabetta kienet marret lura sew fl-aħħar xhur.

Il-Prinċep Charles, iben ir-Reġina u l-eredi għat-tron, kien fost l-ewwel membri tal-Familja Rjali li vvjaġġaw b’urġenza lejn  Balmoral u ftit wara waslu martu Camilla, id-Dukessa ta’ Cornwall u l-Prinċep William, Duka ta’ Cambridge – bil-qaba l-oħra jaslu hemmhekk xi sigħat wara.

L-aħbar dwar il-kundizzjoni tar-Reġina ħarġet wara li hi, nhar l-Erbgħa, ma setgħetx tkompli b’attività li kienet qed tipparteċipa fiha bil-mezzi virtwali – u bit-tobba javżawha minnufih biex tmur tistrieħ.

U proprju sigħat qabel l-aħbar dwar mewtha,  il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Liz Truss, f’isem pajjiżha, esprimiet it-tħsssib dwar is-sitwazzjopni u fejn qalet  li l-ħsibijiet tal-poplu kollu kienu mar-Reġina u l-familja tagħha fi żmien diffiċli.