Internazzjonali

KANADA: imut it-tieni suspettat fil-massakru ta’ nhar il-Ħadd

It-tieni raġel suspettat li kien responsabbli għall-massakru tal-Ħadd li għadda f’Saskatchewan, il-Kanada, tilef ħajtu wara car chase mill-Pulizija.

Myles Sanderson ta’ 32 flimkien ma’ Damien kienu ż-żewġ persuni suspettati li wettqu l-attakk li ħalla għaxra mejta u 18 midruba.

Damien instab mejjet it-Tnejn, l-għada tal-attakk, u kellu fuqu ġrieħi li dehru li ma kienx għamilhom hu stess.

L-Erbgħa filgħaxija l-awtoritajiet ħabbru li t-tieni suspettat, Myles Sanderson ġie arrestat wara li saqu warajh għal xi ħin. Jidher li l-Pulizija għafsu lil Sanderson bil-vetturi tagħhom, u r-raġel waqa’ f’gandott bil-karozza b’kollox.

Hu miet ftit tal-ħin wara, b’kelliem uffiċjali jgħid li Sanderson tilef ħajtu kawża ta’ ġrieħi li għamel fuqu nnifsu.