Internazzjonali

Min hi r-Reġina Eliżabetta II?

Ir-Reġina Eliżabetta twieldet f’Mayfair, f’Londra, fil-21 ta’ April tal-1926 bħala l-ewwel wild tad-Duka u d-Dukessa ta’ York – li aktar tard saru r-Re Ġorġ Sitta u r-Reġina Eliżabetta li l-Britanniċi jafuha bħala l-Queen Mother.

Missierha kien inħatar bħala Re fl-1936 wara li kien abdika ħuh, ir-Re Dwardu it-Tmienja, bir-riżultat li ċ-ċkejkna Elizabeth kienet l-eredi għat-tron minn età żgħira.

Bħala żgħażugħa, Eliżabetta impenjat ruħha għad-doveri pubbliċi ….specjalment waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, fejn serviet fost l-oħrajn mas-servizzi awżiljarji waqt żmenijiet diffiċli ħafna għar-Renju Unit.

F’Novembru tal-1947, hi iżżewwġet lil Philip Mountbatten, l-eks Prinċep tal-Greċja u d-Danimarka. Huma kellhom erbat’ itfal, il-Prinċep Charles, il-Prinċipessa Anne, il-Prinċep Andrew u l-Prinċep Edward.

Meta miet ir-Re Ġorġ fi Frar tal-1952…. Eliżebetta, fl-età ta’ 25 sena, saret Reġina tar-Renju Unit, il-Kanada, l-Awstralja, New Zealand, l-Afrika t’Isfel, il-Pakistan u s-Sri Lanka. Kienet ukoll il-Kap tal-Commonwealth.

Matul ir-renju tar-Reġina spikkaw bidliet politiċi kbar u anke snin ta’ inkwiet fl-Irlanda ta’ Fuq.

Ħafna mit-territorji u pajjiżi li kienu jaqgħu taħt il-kuruna Britannika, maż-żmien, saru indipendenti. Bir-regina timpenja ruhha bi żjarat importanti – bhal dawk li kienet għamlet fiċ-Ċina, fl-1986; fir-Russja, fl-1994, u fir-Repubblika Irlandiża, fl-2011. Dan minbarra li hi laqgħet lil diversi Kapijiet tal-Knisja Kattolika minbarra li żaret ukoll il-Vatikan.

L-l-aħħar snin ta’ ħajjitha kienu partikularment diffiċli meta hi kellha tiffaċċja pressjoni minn elementi differenti. Dan minbarra li żdiedet il-kritika mill-media għall-membri tal-Familja Rjali – fejn fuq kollox spikka l-falliment taż-żwieġ tal-Prinċep Charles ma’ Diana, il-mibkija Prinċipessa ta’ Wales …kif ukoll l-aħħar skandli li kienu jinvolvu lill-Prinċep Andrew.

Ir-Reġina kienet ukoll suġġetta għal kritika wara l-mewt, fl-1997, tal-Prinċipessa Diana u minn dak iż-żmien hi aċċertat li l-Familja Rjali kellha ssir aktar aċċessibbli għan-nies — minbarra li turi li qed tifhem fejn qed iħabbat il-polz tal-poplu, waqt żminijiet ta’ sfida partikulari għall-pajjiż.

Ir-Regina qed tħalli warajha wirt importanti ħafna mill-aspett storiku daqskemm hu importanti mill-impatt li ħallew fuq ll-Ewropa moderna tallum.

Dan meta l-appoġġ fost il-Britanniċi għall-Familja Rjali għadu għoli ferm, u meta r-Reġina, tul ħajjitha, kienet u baqgħet l-aktar membru popolari minn lat personali.