Il-Prinċep Charles – li qed jilħaq Re tar-Renju Unit wara l-mewt ta’ ommu, ir-Reġina Eliżabetta – se jkun magħruf uffiċjalment bħala r-Re Charles III (it-tielet) skont il-konferma mill-Palazz ta’ Buckingham.
Għal Charles, l-aħħar iżviluppi drammatiċi qed ikunu riflessi anki f’sensiela ta’ emozzjonijiet personali konfliġġenti – u fejn hu, minbarra n-niket kbir li qed iħoss għat-telfa ta’ ommu, qiegħed iħares lejn il-futur u l-isfidi relatati mat-tmexxija tal-monarkija.
U waqt li r-Renju Unit qed jibda ġranet konsekuttivi ta’ luttu għat-telfa tar-Reġina u l-era twila sinonima mar-renju tagħha – dan hu wkoll il-mument għal Charles biex jirrealizza d-destin tiegħu.
Dan meta Charles, sa ftit ilu l-Prinċep ta’ Wales, hu l-aktar eredi (heir-apparent) anzjan għat-tron – minbarra li dam l-aktar f’dan ir-rwol – fl-istorja tar-Renju Unit. Dan meta hu, fl-età ta’ 73 sena, se jkun anki l-aktar Re anzjan fl-istorja ta’ pajjiżu,
Issa wieħed jara kemm Charles III se jirnexxilu jispikka fir-rwol li ommu kienet qdiet b’daqstant distinzjoni mill-1952 ‘il hawn.
Intant, Charles kellu ħafna snin biex jipprepara għar-responsabbiltajiet ġodda tiegħu bħala Re u avolja hu qatt ma tkellem dwar ‘x’kellu jagħmel ladarba jilħaq Kap tal-monarkija’.
L-unika indikazzjoni minnu, s’issa, hi li huwa jifhem totalment li r-rwol ta’ Re se jkun differenti ferm mir-rwol li ilu jokkupa għal daqstant snin bħala l-Prinċep ta’ Wales. Dan meta hu beħsiebu jirrenja bl-istil tiegħu filwaqt li jirrispetta mija-fil-mija l-kriterji tal-monarkija kostituzzjonali.
//= $special ?>