Lokali

Titqiegħed l-ewwel ġebla ta’ Dar San Franġisk għal persuni b’diżabbiltà

Persuni b’diżabbiltà se jkollhom dar oħra li se tagħtihom ħajja dinjituża f’ambjent ta’ familja u fil-komunità.

Dan hekk kif il-Fondazzjoni Nazareth qiegħdet l-ewwel ġebla ta’ Dar San Franġisk il-Ħamis waranofsinhar biex b’hekk il-Fondazzjoni jkollhom ir-raba’ dar li fihom jgħixu mat-43 persuna.

Net News tkellem mal-fundatur ta’ Fondazzjoni Nazareth, Dun Anġ Seychell li 27 sena ilu kien ta dak kollu li kellu għal dawn id-djar fejn qal li jittamma li x-xogħol mill-Fondazzjoni jibqa’ għaddej fis-snin li ġejjin, ikun min ikun qed imexxiha.

F’jum il-Vitorja, fil-Knisja Parrikkjali taż-Żejtun saret quddiesa ta’ radd il-ħajr mill-Monsinjur George Frendo. Waqt l-omelija, Monsinjur Frendo saħaq li bħalma f’dan il-jum niċċelebraw it-twelid u l-ħajja tal-Madonna, fl-istess waqt qed niċċelebraw ħajja ġdida għall-persuni b’diżabbiltà li se jkunu qed jagħmlu użu minn din id-dar.

Wara l-quddies, ftit passi ‘l bogħod mill-Knisja, fi Sqaq Vitor, Dun Anġ poġġa l-ewwel ġebla fejn fiha tqiegħdet il-kodiċi tal-etika tal-Fondazzjoni.

Il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca, li llum il-ġurnata qed tmexxi din il-Fondazzjoni, qaltilna li dawn ir-residenti għandhom bżonn post li jagħtihom l-imħabba kollha li kull persuna jixraqilha.

Preżenti kien hemm fost l-oħrajn il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Inklużjoni, Graziella Galea.