Knisja Lokali

“X’qegħdin nibnu?” – l-Arċisqof jgħid li t-tweġiba f’idejn il-kuxjenza ta’ kull wieħed minna

Pajjizna llum qed ifakkar Jum il-Vitorja – il-festa li fiha bħala poplu niċċelebraw ir-rebħa fl-Assedju l-Kbir, it-tmiem tal-imblokk tal-Franċiżi u l-waqfien tal-bumbardamenti fuq Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Fil-Quddiesa ċċelebrata fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Monsinjur Arċisqof Charles J Scicluna filwaqt li ma naqasx li jfakkar kif din il-festa hija tifkira ta’ kif il-Maltin tul is-snin trijonfaw fuq il-barrani u eventwalment ħadu r-riedni tat-tmexxija tal-pajjiż f’idejhom, Charles Scicluna staqsa x’qed nagħħmlu bil-patrimonju kulturali, spiritwali u arkitettoniku li ħallewlna ta’ qabilna.

“Inti tixref lil hinn mill-ħitan majestużi ta’ dan il-Kon-Katidral u tħares lejn il-Belt, lejn il-portijiet, u tara armonija ta’ arkitettura. Imbagħad tiħares ftit il bogħod u tara x’għamilna aħna…x’qegħdin nibnu aħna meta għandna rgħajna f’idejna. Ir-risposta nħalliha f’idejn il-kuxjenza ta’ kull wieħed u waħda minna”.

Charles Sciciluna qal li l-festa solenni tat-twelid ta’ Marija hija ċelebrazzjoni ta’ ferħ li permezz tagħha niċċelebraw ukoll l-għeruq ta’ avveniment staordinarju, meta Alla sar bniedem minn mara li jisimha Marija.

“Bħal ma aħna nifirħu fil-festa solenni tat-tnissil tagħha mingħajr ebda tebgħa ta’ dnub, disgħa xhur wara niltaqgħu biex niċċelebraw it-twelid tagħha mill-ġenituri tagħhna Anna u Ġwakkin”.

Lejlet il-Vitorja, Monsinjur Arċisqof mexxa il-pontifikal fil-Birgu…fejn hemmhekk għażel li jgħaddi messaġġ qawwi lill-awtoritajiet u appellalhom jieħdu pożizzjoni ċara dwar l-invażjoni tal-Ukrajna.

“L-Ukreni għadhom qed ibatu għax il-politiċi għażlu l-aggressjoni u l-kunflitt”, sostna l-Arċisqof Scicluna fl-omelija tiegħu.

Prezenti fil-kolleġjata ta’ San Lawrenz fil-Birgu kien hemm fost l-ohrajn il-President ta’ Malta George Vella, il-Prim Ministru, l-Ispeaker Anglu Farrugia, il-whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar, Ministri, deputati miz-zewg nahat tal-Kamra, kunsillieri u persuni distinti ohrajn.

Qabel din il-quddiesa inghata s-salut nazzjonali u saret l-ispezzjoni tal-Gwardja tal-Unur mill-President Vella.

Il-festa tal-Bambina, nhar it-8 ta’ Settembru, tigi iccelebrata fl-Isla, in-Naxxar, il-Mellieħa u x-Xaghra Ghawdex.