Lokali

Il-Festival Nazzjonali tal-Baned se jerġa’ jirritorna

Ritratt: Martin Agius

Ħarġu d-dettalji tat-tieni edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Baned, dan il-festival huwa organizzat mill-Fondazzjoni Kottonera, flimkien mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.

Dan il-festival ser ikun qed jittella’ fuq erbat’ijiem, f’lokazzjonijiet differenti tal-Kottonera, bil-kunċerti kollha jibdew fis-7.30pm. Ser ikun qed jara l-parteċipazzjoni ta’ dawn il-baned:

Fi 23 ta’ Settembru, il-Banda San Lawrenz tal-Birgu ser tkun fil-lokalità tax-Xgħajra ta’ Bormla, fl-24 ta’ Settembru  l-Banda Nicolo’ Isouard tal-Mosta fi Pjazza Sagra Familja, l-Kalkara, fit-30 ta’ Settembru  l-Banda L’Isle Adam tar-Rabat fil-Ponta tal-Isla u l-Banda Beland taz-Zejtun ser ikunu qed idoqqu l-Couvre Porte, il-Birgu.

Flimkien ma’ dan il-festival ġiet imnedija għal darb’oħra sejħa għall-kompożituri Maltin, sabiex jissottomettu kompożizzjonijiet oriġinali għall-banda b’tema dwar il-Kottonera. Għas-sejħa ta’ din is-sena daħlu l’fuq minn 15-il kompożizzjoni li ġew sottomessi lil ġurija internazzjonali għall-aġġudikazzjoni tagħha. Tliet kompożizzjonijiet laħqu l-livell meħtieġ sabiex dawn ikunu jistgħu jindaqqu waqt il-Festival tal-Baned u aktar tard matul is-sena jiġu recorded b’mod professjonali, li huma:

Under Siege – Kompożizzjoni ta’ Tano Monsigneur. Din is-silta ser tkun qed tiġi esegwita mill-Banda San Lawrenz nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Settembru 2022.

Magnum Portum – Kompożizzjoni tal-mużiċist żagħżugħ Luke Vella. Din is-silta ser tkun qed tiġi esegwita mill-Banda Nicolo’ Isouard nhar is-Sibt 24 ta’ Settembru 2022.

Harbour Blues – Kompożizzjoni ta’ Twanny Borg. Din is-silta ser tkun qed tiġi esegwita fl-għeluq tal-festival nhar il-Ġimgħa 14 t’ Ottubru 2022, mill-Banda Beland.

Ta’ min isemmi li s-silta Harbour Blues ġiet magħżula mill-Ġurija Internazzjonali sabiex fis-Sajf 2023 tkun esegwita f’Firenze mill-Banda Filarmonica “G. Rossini” waqt il-festival Maggio Fiorentino u f’Valenzja waqt Festival Internazzjonali. Din l-inizjattiva saret b’riżultat tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda b’sapport tal-Fondazzjoni Kottonera.

Il-Fondazzjoni Kottonera flimkien mal-Għaqda Nazzjonali Kazini tal-Banda jifirħu u jawguraw lis-Sur Twanny Borg għal din il-kisba mużikali.