Lokali

Il-legat tar-Reġina Eliżabetta II

Il-kwalitajiet partikolari li kellha r-Reġina Eliżabetta t-II kienu strumentali biex żammet sens ta’ stabilità fir-Renju Unit għal ħafna snin.

Din kienet l-analiżi tal-osservatur politiku Andre Debattista, li spjega kif hija dejjem kienet taf iżżomm pass lura u toqgħod attenta x’tgħid, u qatt ma tgħid dak li tkun qed tħoss.

Debattista qal li din kienet is-saħħa tagħha li ppermettiet stabbilità fil-pajjiż għal ħafna snin.

Minbarra hekk, il-fidi tagħha kienet pilastru li żammitha dejjem fid-direzzjoni t-tajba.

Sylvana Debono, eks ġurnalista li kellha wkoll l-opportunità ssegwi lir-reġina tul il-karriera tagħha tkellmet dwar kif Eliżabetta kienet strumentali fi żviluppi storiċi.

Hija qalet li għalkemm il-Commonwealth ma kienx ħolqien tagħha, hi rat it-tranżizzjoni minn Imperu għal Renju, u l-Commonwealth kien forum li għamel ħafna ġid. Fost l-oħrajn, spjegat Sylvana Debono, kien kruċjali biex tneħħiet l-Apartheid mill-Afrika t’Isfel.

Sylvana Debono spjegat kif ir-Reġina kienet ukoll strumentali biex biddlet l-opinjoni pubblika dwar binha Charles… u dik li issa hija l-Queen Consort, Camilla, id-Dukessa ta’ Cornwall.

Net News ha wkoll il-kummenti tal-Professur Roderick Pace li qal li r-Reġina Eliżabetta kienet Kap ta’ Stat li dejjem pruvat iġġib l-għaqda u mhux il-firda.

Il-Professur Pace qal li l-mewt tar-Reġina tefgħet ukoll dawl fuq pajjiżna, minħabba r-rabtiet speċjali li kellha l-monarka Ingliża ma’ Malta u qal li għandna nibnu fuq din ir-rabta speċjali.

Fl-ahhar 24 siegha, ma naqsitx ukoll tislima mill-għola awtoritajiet ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru Robert Abela sellem il-memorja tar-Reġina Eliżabetta bħala reġina maħbuba minn kulħadd. Hu qal li r-reġina se tibqa’ f’qalb ħafna Maltin,  filwaqt li għadda l-kondoljanzi tiegħu lill-familja rjali.

Minn naħa tiegħu il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ukoll għadda l-kondoljanzi tiegħu lill-familja Rjali, filwaqt li fakkar fir-rabtiet mill-qrib li kellha r-Reġina Eliżabetta t-II ma’ Malta… l-uniku pajjiż li għexet fih apparti r-Renju Unit.

Bernard Grech qal il Malta tingħaqad mal-kumplament tal-pajjiżi tal-Commonwealth u tad-dinja u tesprimi l-kondoljanzi tagħha mal-poplu tar-Renju Unit f’dan il-mument ta’ luttu nazzjonali.

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, f’ismu u f’isem il-membri Parlamentari esprima sentiment ta’ sogħba għall-aħbar tal-mewt tar-Reġina Eliżabetta II. Huwa sellem il-memorja tagħha, anke bħala Kap tal-Commonwealth, u fakkar kif tul is-snin ir-Regina…dejjem gawdiet rispett mill-poplu Malti.

Fit-tislima tagħha lir-Reġina, il-President tal-Parlament Ewropew Robert Metsola qalet li ftit huma dawk li sawru l-istorja tad-dinja bil-mod kif għamlet Eliżabetta t-II.

Hi faħħret is-sens ta’ dover u servizz eżemplari tagħha, u ddeskrivietha bħalha Queen Elizabeth the Great.