Il-gwerra fl-Ukrajna qed tidher li għaddejja minn żmien sinifikanti waqt li l-qawwiet Ukreni qegħdin ikomplu bl-avvanzi fost il-konflitt kontinwu mal-Armata tar-Russja li għadha qed tokkupa diversi reġjuni fil-pajjiż..
Il-qawwiet Ukreni issa għamlu pass importanti fil-gwerra li ilha għaddejja x-xhur f’pajjiżhom u fejn huma rnexxielhom jidħlu fil-belt ta’ Kupiansk wara kontra-attakk rapidu fuq it-truppi Russi fl-inħawi.
Kollox qed jindika li l-qawwiet tal-President Ukren Volodymyr Zelensky qegħdin iżidu s-suċċessi militari fost determinazzjoni kbira li jkeċċu lis-suldati tal-Kremlin miz-zoni prinċipali li qed jokkupaw.
Is-suċċessi tal-Armata Ukrena f’Kupiansk huma l-aktar sinifikanti għaliex din il-belt, fil-lvant tal-Ukrajna, kienet qed tipprovdi hub importanti għat-trasport tal-provvisti lill-qawwiet Russi fir-reġjun.
Din il-belt kienet waqgħet lir-Russi ġimgħa biss wara li l-qawwiet ta’ Vladimir Putin kienu invadew lill-Ukrajna u issa l-qawwiet speċjali Ukreni qegħdin jibgħatu r-ritratti fuq il-media soċjali biex jindikaw il-preżenza tal-fizzjali militari tagħhom f’Kupiansk.
Aktar qabel, is-sorsi infurmati fir-Renju Unit qalu li l-qawwiet Ukreni kienu avvanzaw sa 50 kilometru f’territorju li qabel kien ikkontrollat mir-Russja.
Il-Ministeru tad-Difiża Britanniku qal li skont l-informazzjoni li waslitlu, il-qawwiet Ukreni rnexxielhom jaqbdu lir-Russi fuq sieq waħda, bl-Armata tal-Ukrajna jirnexxilha taħtaf lura jew tiċċirkonda lil diversi bliet fis-settur,
Il-qawwiet Ukreni ilhom il-jiem imexxu kontro-offensiva fil-lvant tal-Ukrajna anki waqt li l-komunità internazzjonali kienet qed tistenna li l-Ukreni javvanzaw għal fuq il-belt ewlenija ta’ Kherson, lejn in-nofsinar tal-Ukrajna.
Xi analisti jaħsbu li l-Ukreni rnexxielhom iqarrqu bir-Russi li qraw ħażin is-sitwazzjoni meta bagħtu l-battaljuni tal-aktar suldati veterani biex jiddefendu l-inħawi ta’ Kherson.
U waqt li l-Armata Ukrena qed tkompli bis-suċċessi fil-lvant tal-pajjiż, it-truppi ta’ Zelensky qegħdin jagħmlu anki l-kisbiet fin-nofsinar tal-Ukrajna. Dan wara li huma avvanzaw sa għexieren ta’ kilometri ‘il ġewwa f’inħawi li sa ftit ilu kienu taħt il-kontroll tar-Russi.
Fl-aħħar sigħat, l-Armata Ukrena insistiet bl-avvanzi fil-madwar ta’ Kupiansk fost it-tentattivi biex tiċċirkonda lill-eluf tas-suldati Russi viċin il-belt ta’ Izyum, fl-istess settur.
Dan waqt li l-ogħla tmexxija tal-qawwiet armati Ukreni, ħarġet stqarrija li t-truppi tagħha qegħdin jikkonċentraw bis-sħiħ fuq l-objettivi militari tagħhom. L-istess tmexxija Ukrena qed jistenna li tkun jista’ tħabbar rebħa kbira fuq ir-Russi fis-sigħat u l-jiem li ġejjin.
Tkellem anki l-President Zelensky li sostna li l-qawwiet tiegħu, bil-mod il-mod, qegħdin jieħdu l-kontroll tal-inħawi fejn sa ftit ilu kien hemm il-preżenza tal-għadu – b’dawn il-kisbiet qed jippermettu biex it-truppi tiegħu jerġgħu jwaħħlu l-bandiera tal-Ukrajna fiz-zoni kollha li qegħdin jieħdu lura lir-Russi.
//= $special ?>

