Budget 2023 Ekonomija Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ tipproponi tnaqqis fil-VAT fuq appliances li jaħlu inqas

Bħala parti mill-proposti tagħha għall-budget, il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi tnaqqis fil-VAT fuq xiri ta’ appliances. Dan sabiex il-familji Maltin ikunu jistgħu jissostitwixxu apparat li jaħlu …ma’ appliances li jaħlu inqas.

Din hija biss waħda mid-diversi proposti fis-settur tal-enerġija li ressqet iċ-Chamber fid-dokument ta’ qabel il-Budget, fejn enfasizzat li l-Gvern għandu jħabbar pjan serju għall-enerġija li jkun jinkludi proġetti ta’ enerġija mix-xemx u offshore windfarms, li jsir investiment fin-network tad-distribuzzjoni, u li l-Gvern ma jibqax jissussidja l-ħela tal-enerġija.

Apparti minn hekk, id-dokument isemmi l-bżonn li jitnaqqsu gradwalment is-sussidji fuq il-petrol u d-diesel biex tassew ikun hemm qalba lejn trasport li jaħdem bl-elettriku. Fil-fatt, iċ-Chamber tirreferi anke għal inċentivi akbar favur vetturi kummerċjali elettriċi.

Apparti minn hekk, il-Kamra tal-Kummerċ saħqet li huwa opportun li jiġu riveduti l-miżati tal-liċenzji tal-karozzi b’tali mod li l-poplu jħallas skont l-użu tal-vettura…. billi jitfassal kilometraġġ apposta minbarra il-kriterji eżistenti tat-tip tal-magna, id-daqs u is-snin tal-vettura. Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi anke l-introduzzjoni ta’ miżati f’parkeġġi pubbliċi, sabiex tippromwovi l-użu tat-transport pubbliku.

Fl-istess dokument iċ-Chamber tfakkar fil-ħtieġa li l-poplu Malti għandu jżid l-użu ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku. Filwaqt li tirreferi għall-proposta li jinħolqu spażji pubbliċi li permezz tagħhom l-ispazji ta’ parkeġġ fit-toroq jiġu rillokati għal spazji ġodda ta’ parkeġġ taħt l-art b’ħafna sulari adattati għall-iċċarġjar tal-vetturi, għalhekk jinħeles l-ispazju fit-triq.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li meżżi oħra tat-transport bħal l-e-scooters għandhom jiġu ttrattati bħal muturi u għandha tidaħħal liġi aktar iebsa li tirregola l-użu tagħhom. Dwar din it-tema tal-iscooters…anke l-PN fl-ahhar jiem prezenta lista twila ta’ proposti pozittivi.

Intant, rigward Għawdex, il-Kamra tal-Kummerċ saħqet li l-Gvern għandu jirtira għal kollox l-investiment tal-mina bejn Malta u Għawdex u jintroduċi sistema ta’ transport li tinkludi meżżi differenti.

Il-Kamra tal-Kummerċ żiedet tgħid li l-skema ta’ restawr għal djar residenzjali f’Malta li jinstabu f’żoni ta’ konservazzjoni urbana għandha tiġi reveduta u għandhom jiġu introdotti inċentivi fiskali sabiex jgħinu lis-sidien fil-manutenzjoni tal-bini.