Lokali

Il-Ministru Byron Camilleri jserraħ ras il-Pulizija li mhux se jnaqqsilhom il-paga

Il-Ministru Bryon Camilleri serraħ ras il-Pulizija u l-Korpi tal-ordni l-oħra li mhux se jnaqqsilhom il-pagi.

Net News kien qed jistaqsi lill-Ministru tal-Intern minn fejn se jkun qed jaqta’ l-infiq tiegħu, iżda t-tweġiba ta’ Camilleri kienet biss li mhux se jonqsu l-pagi tal-korpi dixxipplinari.

Dan wara li xahrejn ilu, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana wissa lill-Ministri tal-Gvern li jridu jaqtgħu l-infiq b’aktar minn 200 miljun Ewro.

Madankollu sal-lum ĦADD mill-Ministri ma ta rendikont ta’ minn fejn se jkun qed inaqqas l-infiq tiegħu.

Il-Ministeru ta’ Byron Camilleri jinkludi fih il-korpi dixxiplinati… fosthom il-Pulizija u l-armata.

Fl-aħħar snin, il-Union tal-Pulizija, l-MPU tkellmet kemm-il darba dwar l-istat diżastruż tal-għases u n-nuqqas ta’ faċilitajiet dinjitużi li jkollhom jaħdmu fihom ta’ kuljum. Issa, jidher li bil-miżuri ta’ awsterità li ordna l-Ministru tal-Finanzi., se jkun kważi impossibbli li l-Pulizija u korpi oħra jingħataw ir-riżorsi u l-fa1ilitajiet li jixirqilhom biex ikun jistgħu jaħdmu kif suppost.