“Nieħdu azzjoni biex nibnu t-tama” hi t-tema magħżula mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għall-Jum Dinji tal-Prevenzjoni tas-Suwiċidju 2022. Dan il-jum hu importanti għaliex kull mewt permezz ta’ suwiċidju setgħet ġiet evitata. Permezz ta’ żieda fl-għarfien fuq il-livelli kollha, nistgħu inkunu f’pożizzjoni li nagħrfu dawn is-sitwazzjonijiet u noffru l-għajnuna meħtieġa u b’hekk innaqsu r-riskji ta’ suwiċidju.
Analiżi ta’ statistika dwar suwiċidji ta’dawn l-aħħar 11-il sena, li saret mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali turi li f’Malta jseħħu medja ta’ żewġ suwiċidji fix-xahar. L-eta’ tal-vittmi tvarja bejn l-iżgħar taħt is-sittax-il sena għal persuni akbar minn 95 sena. L-aktar etajiet komuni huma bejn l-40 u l-50 sena. Tnejn u għoxrin fil-mija (22%) tal-vittmi kienu barranin waqt li 83% kienu rġiel. Kalkolu ta’ dawn l-aħħar 7 snin, juri li għal kull persuna li tilfet ħajjitha b’suwiċidju intilfu 20 sena ta’ ħidma produttiva (sal-eta’ ta’ 65 sena).
Kull persuna tista’ tgħaddi minn perjodu diffiċli fejn tikkunsidra s-suwiċidju bħala mezz biex teħles minn ugigħ li jidher kbir wisq. Il-Prevenzjoni tas-Suwiċidju hi responsabbilta’ ta’ kulħadd. Is-suwiċidju mhux biss responsabbilta’ tas-servizzi tas-saħħa mentali imma għandu jkun fl-attenzjoni ta’ ħafna aktar. Hemm bżonn impenn tal-entitajiet kollha tal-gvern u s-soċjeta’ kollha inkluż organizzazjonijiet mhux governattivi u s-soċjeta’ ċivili. Il-mezzi ta’ kommunikazzjoni, f’kull forma u pjattaforma jista’ jkollhom impatt kemm pożittiv kif ukoll negattiv. Il-mod kif is-suġġett jiġi rrapurtat jew diskuss jista’ jkollu effett fuq kif is-soċjeta’ tħares lejn dan is-suġġet u jista’ jkollha parti importanti biex twassal għal bidla fil-mentalita’ dwar il-preġudizzju u l-istigma marbuta mas-suwiċidju.
Li naċċettaw is-suwiċidju bħala realta’ tista’ tgħin biex nevitaw imwiet. Għandna bżonn nitkellmu dwar is-suwiċidju biex il-komunita’ tagħraf aħjar ir-riskji u titgħallem kif tiffaċjhom. Il-persuni jridu jkunu inkoraġġuti biex jitkellmu dwar is-saħħa mentali inkluż dwar ħsibijiet ta’ suwiċidju u jfittxu l-għajnuna li għandhom bżonn. F’soċjeta li jimpurtaha ħadd ma għandu jħossu waħdu jew jitħalla jsofri fis-silenzju.
Qraba, ħbieb, kollegi tax-xogħol, għalliema u oħrajn li għandhom relazzjoni mal-persuna u jindunaw li għaddejja minn żmien diffiċli, speċjalment jekk qed jissuspettaw li qed jikkunsdraw is-suwiċidju m’għandhomx jibżgħu jitkellmu mal-persuna fuq dan. Anzi din tista’ tkun opportunita’ biex l-individwu jitkellem dwar dak li qed iħoss u jittex l-għajnuna li għandu bżonn.
Il-Prevenzjoni tas-Suwiċidju hi possibbli u nistgħu nevitaw is-suwiċidju. Għalhekk għandu jsir kull sforz possibbli biex id-diffikulta’ tinqabad kemm jista’ jkun malajr u jittieħdu l-azzjonijiet ta’ prekawzjoni li hemm bżonn. Hemm diversi għodda u informazzjoni li wieħed jista’ jsib, mhux biss għal professjonisti imma għal kull ċittadin biex ikun mgħammar u preparat biex jagħraf u jaġixxi kif suppost f’każ ta’ għagir marbut mas-suwiċidju.
Il-Prevenzjoni tas-Suwiċidju titlob is-sehem ta’ kulħadd biex niffiċjaw din it-tema importanti u ta’ uġigħ. Li nirriflettu u nitkellmu dwar il-Prevenzjoni tas-Suwiċidju m’għandux isir biss fl-10 ta’ Settembru (fil-Jum Dinji dwar il-Prevenzjoni tas-Suwiċidju) imma għandu jkun hemm diskussjoni għaddejja b’mod kontinwu u pjan ta’ azzjoni.
Persuni li jħossu li għaddejjin minn diffikulta/kriżi jistgħu jfittxu l-għajnuna mid-dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei jew mid-dipartiment tal-Kura Primarja jew ifittxu għajnuna ta’ professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali.
//= $special ?>